Filmat: Neskludi li l-Gvern Laburista jdaħħal l-abort – Kurt Farrugia

Read in English.

Il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia qal li l-manifest tal-Partit Laburista ma nkludiex l-abort u għalhekk jista’ jeskludi li l-Gvern se jdaħħal l-abort f’Malta. Huwa kien qed jitkellem waqt il-programm Newsline fuq RTK103FM ppreżentat minn Fr Joe Borg.

Huwa kien qed iwieġeb għall-mistoqsija ta’ Fr Joe Borg wara li l-Chairman Eżekuttiv tal-midja tal-Partit Nazzjonalista qal li l-kap tas-Soċjalisti Ewropej Frans Timmermans għamel d-dikjarazzjoni ċara dwar l-abort u qal bl-iktar mod ċar li jekk is-Soċjalisti Ewropej ikollhom il-maġġoranza fil-Parlament Ewropew, l-abort li qed jitqies bħala dritt tal-mara u qed jinsew id-dritt tat-tarbija, se jkun aċċessibbli.

Kurt Farrugia qal li bħala fatt iż-żewġ partiti m’għandhomx referenza għall-abort fiż-żewġ manifesti tagħhom u l-Gvern Laburista mhux se jimplimenta xi ħaġa li mhux qiegħda fil-manifest. Żied li kwistjoni tal-abort hija kompetenza nazzjonali però ma tistax twaqqaf lin-nies milli jiddiskutuha la f’Malta u lanqas fl-Unjoni Ewropea.

Farrugia qal li fuq din il-kwistjoni m’hemmx diskussjoni u qal li jippreferi jitkellem dwar il-160 tarbija li twieldu bl-IVF. Huwa qal li kien il-Gvern Laburista li mpurtah mill-ħajja u għalhekk daħħal l-IVF f’Malta.

Il-PN ma setax jivvota favur il-liġi tal-vjolenza domestika – Pierre Portelli

Min-naħa tiegħu Farrugia staqsa lil Portelli għala l-Partit Nazzjonalista ma vvutax favur il-liġi dwar il-vjoenza domestika. Portelli spjega li l-Partit Nazzjonalista ma setax jivvota favur il-liġi tal-vjolenza domestika minħabba li fil-liġi tneħħiet il-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf.

Meta mistoqsi dwar ir-raġuni għala tneħħiet il-klawżola li tipproteġi t-tarbija fil-ġuf,  Kurt Farrugia qal li l-Partit Nazzjonalista qabad ma punt wiħed fil-liġi li ma kellux relevanza.

Il-preżentatur Peppi Azzopardi qal li  din il-klawżola kienet importanti fil-liġi. Madankollu spjega li ħafna mill-pajjiżi li huma parti mill-Partit Popolari Ewropew (PPE) jaqblu mal-abort, b’Portelli jwieġeb li għalkemm l-abort daħal fil-pajjiż , l-abort mhux imniżżel fil-manifest elettorali.

Il-PL falla milli jikkonvinċi lis-Soċjalisti milli jdaħħlu l-abort fil-manifest elettorali – Francis Zammit Dimech  

Il-kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech qal li l-Partit Laburista falla milli jikkonvinċi lill-Partit Soċjalista milli jdaħħal l-abort fil-manifest elettorali tiegħu. Huwa qal li dan huwa kkonfermat mir-riżoluzzjoni li iet addottata f’Settembru li għadda f’Lisbona. Zammit dimech kien qed jitkellem fil-programm Xarabank tal-Ġimgħa filgħxija fuq TVM.

Il-kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew qal li l-manifest tal-Partit Popolari ewropew jikkuntrasta mal-manifesti tal-partit politiċi l-oħra minħabba li m’hemm l-ebda referenza għall-abort. Zammit Dimech qal li vot għall-Partit Soċjalista Malti huwa vot għas-Soċjalisti Ewropej lijridu jimponu l-abort fuq Malta.