Filmat: “Nemmen li l-ġurnalisti għandhom jinvestigaw” – Cutajar

Read in English.

L-Ewroparlamentari Laburista Josianne Cutajar qalet li temmen li l-ġurnalisti għandhom jinvestigaw. Dan qalitu f’intervista ma’ Newsbook.com.mt fi Strasburgu.

Hi kienet qed twieġeb dwar jekk temminx li l-ġurnalisti m’għandhomx jinvestigaw, imma jiffukaw biss fuq rapporti ta’ ġrajjiet kurrenti. Il-mistoqsija ġiet wara li fl-aħħar ġimgħat, Cutajar kitbet artiklu ppubblikat fuq il-ġurnal L-Orizzont, fejn tkellmet dwar il-kunċett ta’ fake news, u kkritikat lill-kmamar tal-aħbarijiet “li jidhru serji” imma qed jaħbu aġenda kontra l-Gvern.

Ma’ Newsbook.com.mt Cutajar spjegat li l-aspett investigattiv huwa wieħed importanti fil-professjoni ta’ ġurnalist, imma huwa importanti wkoll li dawn jiffukaw fuq ġrajjiet kurrenti. Dan sabiex jipprovdu stampa fattwali ta’ dak li jkun għaddej. Qalet li l-aspett investigattiv iżomm lill-politiċi, is-suq b’mod ġenerali u entitajiet oħrajn akkontabbli ta’ xogħolhom. Qalet li permezz tal-investigazzjonijiet tal-ġurnalisti jkun qed isir skrutinju importanti, li hija xi ħaġa li importanti ssir f’demokrazija.

“Jiena nara li ġurnalist hemm l-obbligu li jkun protett biex jagħmel dan ix-xogħol tiegħu kemm investigattiv u kemm dak fattwali,” kompliet Cutajar. Intant sostniet li l-ġurnalisti huma responsabbli biex jassiguraw li dak trażmess huwa fattwali. Hawnhekk irreferiet għall-kunċett ta’ fake news, illi wassal sabiex bosta persuni “jiddarsu” minħabba s-sitwazzjoni.