Filmat: Nas Daily b’messaġġ fuq Newsbook għall-Maltin

Il-vlogger Nuseir Yassin ilu ġurnata sħiħa jiġbed filmati madwar Malta, u sostna li l-ġmiel tal-pajjiż ħallieh imsaħħar.

Hu jinsab f’Malta sabiex itella’ wieħed mill-filmati ta’ minuta li hu magħruf għalihom ma’ mijiet ta’ eluf ta’ persuni madwar id-dinja kollha.
Waqt intervista esklussiva ma’ Newsbook.com.mt, is-sid tal-paġna ta’ Facebook bl-isem ta’ Nas Daily spjega kif kuljum jagħmel filmati ta' minuta u jtellagħhom fuq Facebook għal aktar minn 5.6 miljun segwaċi tiegħu.
Qal li Malta hija t-63 pajjiż li qed iżur sabiex jagħmel dawn il-filmati u li ilu 10 snin bix-xewqa li jiġi Malta.
Waqt l-intervista ma’ Newsbook.com.mt, stieden lill-poplu Malti u Għawdxi sabiex jinġabar miegħu fi Pjazza San Ġorġ fil-5pm illum. Hu spjega li l-filmat tal-lum mhux se jkun speċifikament qed jiddiskuti xi suġġett partikolari, kif jagħmel bosta drabi fil-filmati tiegħu.
Spjega li l-filmat tal-lum se jkun wieħed turistiku aktar milli kontroversjali. Iżda ma jeskludix li la jitgħallem aktar dwar Malta, l-istorja tal-pajjiż u l-mentalitajiet jaf jaħdem fuq filmat kontroversjali.
F’messaġġ għal dawk il-Maltin kollha li jridu jsegwu fil-passi tiegħu u li jridu jsiru huma wkoll vloggers, Yassin sostna li għandhom jiġbdu filmati kuljum u jħallu ħajjithom issir din il-passjoni. Saħaq li minkejja li hija ħajja diffiċli, hija waħda ferm sodisfaċenti.