Filmat: Nas Daily jistaqsi lis-segwaċi tiegħu jekk iridux jixtru passaport Malti

Nusser Yasin ta’ Nas Daily, il-vlogger li joħloq filmat qasir kuljum li bħalissa jinsab Malta ħareġ filmat dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija.
Beda l-filmat billi qal li kulmin għandu passaport Malti hu b’xortih tajba. Fost il-benefiċċji li semma, irrefera għall-possibilità li wieħed ikun jista’ jżur 173 mingħajr VISA,  ikun jista’ jgħix f’Malta, u li l-persuna tkun ċittadin tal-Unjoni Ewropea.
Imbagħad Nas semma li l-passaport Malti jista’ jinxtara għal madwar €1.2 miljun, ħaġa li rrefera għaliha bħala kontroversjali.
Dwar l-aspetti pożittivi, Nas qal li din l-iskema tiġġenera ħafna flus u li ċittadini ġodda jibdew in-negozju tagħhom f’Malta.
Mill-banda l-oħra, qal li oħrajn jgħidu li ċ-ċittadinanza m’għandhiex tkun għall-bejgħ u li l-iskema taf tattira nies suspettużi.  
Nas kiteb li dan huwa dibattitu intelletwali u mhux politiku.
Waqt li kien qied f’Malta hu ġie kkritikat li ma kienx qed jitkellem dwar il-kwistjonijiet kurrenti tal-pajjiż inkluż l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Bi tweġiba kien qal li ma jridx jidħol f'dak li sejħilhom kwistjonijiet politiċi Maltin.