Filmat: Narcy Calamatta lura fuq it-TV bħala attur

L-attur veteran Narcy Calamatta se jkun qed jirritorna bħala attur fuq TVM fis-sensiela L-Ispettur. Calamatta, li nhar il-Ġimgħa deher bħala mistieden fil-programm Serata Ron li jixxandar ukoll fuq TVM, illejla se jkun qed jinterpreta l-karattru tal-eks Sindku tal-Belt Valletta Grigor Pirotta fis-sensiela L-Ispettur.

Narcy Calamatta għandu karriera twila fit-televiżjoni, films, teatru u radju u bla dubju li l-aktar karattru li baqa’ assoċjat miegħu matul is-snin huwa dak ta’ Wenzu fis-sensiela Wenzu u Rożi.

Fost il-produzzjonijiet barrannin li ħa sehem fihom insibu Trenchcoat (1983), The Wednesday Play (1969 – BBC), Eye Witness (1978) u Boy Meets Girl (1967). Fiċ-ċinema lokali ħadem ukoll fil-film Ħabbilni Ħa Nirbaħ.

L-Ispettur

Episodju 6 L-Ispettur – Nhar it-tnejn 16 ta' Nov fuq TVM fit 8:50pm

Posted by Spettur _ Spettur Bonnici on Thursday, November 12, 2020

Fl-episodju tal-lejla mis-sensiela L-Ispettur li tixxandar fuq TVM fid-8.50pm naraw kif minn filgħodu l-Ispettur Bonnici jaf li din il-ġurnata se tispiċċalu ħażin, imma qatt ma jirrifjuta li jaqdi dmiru, ukoll meta jaf li n-nies madwaru aktar ifixklu milli jgħinu.

Kif ħebbritlu qalbu, il-ġurnata tal-ispettur Salv Bonnici taqleb għall-agħar. Dak li hemm quddiemu se tkun il-kaġun tal-waqa’.

F’dan l-episodju se jkunu qed jidhru wkoll atturi oħra magħrufa bħal Marvic Cordina u Emanuel Cassar.

L-Ispettur għandu kitba u direzzjoni ta’ Mario Philip Azzopardi, bi produzzjoni ta’ Michael Kissaun.