Filmat: “Naqset ir-rata ta’ studenti li ma jkomplux l-iskola”

L-edukazzjoni hija waħda mis-solzzjonijiet għall-ġlieda kontra l-faqar. Din kienet waħda mit-temi ewlenin li ġew diskussi waqt il-programmm Andrew Azzopardi on 103. Fil-programm tkellmu diversi opinjonisti u esperti fosthom Matthew Vella, li huwa l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali u l-ekonomista Stephanie Fabri.

“L-iskola hija r-risposta għall-faqar” – Stephanie Fabri

L-ekonomista Stephanie Fabri qalet li Malta għandha waħda mill-ogħla rati ta’ Early School Leavers. Saħqet li dawn it-tfal jispiċċaw jaqgħu mis-sistema u tikber id-disparità u l-persuna tkompli tinqata’ lura.

Dr Fabri saħqet fuq l-edukazzjoni biex tiġi missielta l-problema tal-faqar. Qalet li l-ekonomija għandha tersaq lejn soċjetà diġitali.

Min-naħa tiegħu, Matthew Vella qal li r-rata ta’ studenti li jħallu l-iskola naqset tul is-snin. Qal li fl-2012 ir-rata kienet 21.7% filwaqt li s-sena li għaddiet din naqset għal 16.7%. Stqarr li fadal xogħol xi jsir imma hemm bażi tajba biex il-problema tal-faqar tissolva.

-Ma jfissirx li hemm it-tkabbir ekonomiku, is-soluzzjoni tal-faqar qiegħda hemmhekk.-

It-tkabbir ekonomiku qed jgħin biex tissolva l-problema tal-faqar?

Stephanie Fabri stqarret li veru li l-Maltin qed jaħdmu iktar, iżda staqsiet jekk dawn il-ħaddiema hux qed jaħdmu l-ewwel, it-tieni jew it-tielet impjieg tagħhom biex ilaħqu mal-ħajja jew jekk hux qed jaħdmu dawn l-impjiegi biex jaqilgħu aktar flus.

Hija tkellmet dwar is-sitwazzjoni tan-“new middle class” fejn spjegat li din il-faxxa tas-soċjetà tiġbor fiha nies li jkollhom dħul bażiku iżda li peress li kien hawn il-ħolqien tax-xogħol huma seta’ jkollhom it-tieni xogħol jew li jkunu jistgħu jagħmlu s-sahra fuq ix-xogħol (overtime).

Hija spjegat li bit-tkabbir ekonomiku jiġi miġġieled il-faqar għaliex jiġi ġġenerat ix-xogħol li huwa importanti f’din il-katina. Saħqet li t-tkabbir ekonomiku ma jfissirx li qed igawdi minnu kulħadd. Qalet li l-ġid li jiġi ġġenerat irid jitqassam b’mod ekwu.

“L-intrapriża soċjali tgħin lil min hu fil-faqar” – Matthew Vella

Matthew Vella tkellem favur l-intrapriża soċjali u qal li dan jista’ jitqies bħala inċentivi għall-persuni li jinsabu f’din il-faxxa soċjali.

Dwar l-aspett ta’ komunità Vella semma l-eżempju tal-ikel meta fil-pandemija kien hemm għadd ta’ nies li ħarġu mill-comfort żone tagħhom biex jgħinu lil ħaddieħor.

Fosthom huwa qal li dawn għenu lil anzjani li forsi ma kellhom lil ħadd min iġibilhom l-ikel.

Semma servizz li qed jingħata mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali b’ħidma fil-komunità. Hawnhekk huwa semma kif id-data li għandu l-Gvern ġew identifikati s-17,000 persuna fil-faqar. Qal li qed isir assessjar u ġie żviluppat pjan għal kull familja li tinsab fil-faqar. Spjega wkoll li dan il-pjan isir bl-involviment dirett tal-membri tal-familja.

Kif taħseb li għandu jiġi missielet il-faqar?
Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt