Filmat: “Nakkumpanjaw lil kulħadd mingħajr distinzjoni” – il-President ta’ Kana

Read in English.

Il-President tal-Kunsill tal-Moviment ta’ Kana Dr Arthur Galea Salomone qal li f’Malta ma jgħinux biss koppji miżżewġa bil-Knisja imma jakkumpanjaw lil kulħadd mingħajr distinzjoni.

Huwa qal dan meta kien qed jiġi intervistat fi tmiem il-laqgħa annwali tal-Federazzjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Familji Kattoliċi (FAFCE) li saret f’Malta din il-ġimgħa. L-Arċisqof Charles Scicluna kien mistieden biex jindirizza din il-konferenza.

Galea Salomone saħaq li l-mudell ta’ Kana f’Malta huwa stmat tajjeb minn pajjiżi oħra għaliex qal li l-moviment jgħin koppji li jkollhom xi problemi fir-relazzjoni. Fisser kif il-prattika f’Malta hija li jimxu fuq l-eżortazzjoni appostolika Amorist Laetitia li għalkemm tippromwovi l-ideal, xorta takkumpanja lil kulħadd mingħajr distinzjoni.

Qal li permezz tal-laqgħa li saret f’Malta, il-Moviment ta’ Kana kellu l-opportunità li jaqsam l-inizjattivi u l-esperjenzi ma’ organizzazzjonijiet oħra Ewropej li jaħdmu favur il-familji. Qal li kien hemm qsim tal-ideat u b’hekk l-organizzazzjonijiet ikunu iktar effettivi fil-pastorali tal-familji.

Stqarr li l-ħidma tal-FAFCE hija dik li tfassal politika ekonomika u soċjali li tirrikonoxxi l-valur tal-familji bħala nukleu tas- soċjetà.

Knisja.mt/Ritratti

X’qed tipprovdi l-familja għas-soċjetà?

Fi tmiem il-konferenza tkellem ukoll il-President tal-FAFCE Antoine Renard. Qal li t-tema ewlenija tal-konferenza li saret f’Malta kienet dik dwar rakkomandazzjon biex joħorġu fid-dehr ir-riżorsi li l-familji jagħtu lis-soċjetà

Il-ħidma tal-Federazzjoni f’Malta ffukat fuq strateġija ta’ komunikazzjoni u pjan ta’ ħidma għas-sena li ġejja.

“Ngħidu li s-soċjetà m’għandiex futur mingħajr familji b’saħħithom” saħaq Antoine Renard u għalhekk qal li r-rakkomandazzjonijiet huma mmirati biex isaħħu l-familji u biex jagħtu vuċi lill-familji li permezz tagħhom iqarbu lejn xulxin ir-riżorsi għall-benefiċċju tas-soċjetà.

Spjega li l-proġett ta’ Alla għad-dinja huwa proġett ta’ familja fejn kulħadd iħossu fid-dmir li jgħin li ġar tiegħu. Saħaq li t-tagħlim tal-Knsija huwa teżor għall-bnedmin u fakkar ukoll fl-imħabba li ġab Kristu fid-dinja.

Il-konferenza saret f’Malta bejn it-Tlieta 14 u l-Erbgħa 15 ta’ Mejju, hekk kif fil-15 tax-xahar ġie ċċelebrat Jum il-Familja.

Knisja.mt/Ritratti