Filmat: “Naf li tard, ħafna tard… nixtieq narak” – Philip Vella

Ftit jiem biss ‘l bogħod minn Jum il-Missier, il-kantawtur Philip Vella għadu frisk mill-ippubblikar tal-kanzunetta Pa li għandha pinna u mużika tiegħu stess. Għalkemm tmur lil hinn mill-ħoss li forsi mdorrin nisimgħu mingħand Philip, il-messaġġ huwa wieħed dirett li jġiegħel lis-semmiegħ jaħseb ftit.

“Naf li tard, ħafna tard… nixtieq narak” jistqarr Philip fil-lirika tal-kanzunetta.

Pa hija t-tielet kanzunetta rrilaxxata minn 60+, album ta’ kanzunetti oriġinali li għandu jiġi ppubblikat fil-ġimgħat li ġejjin. Infatti, hi ssegwi: Il-Verità; kanzunetta rebbieħa tal-Għanja tal-Poplu 2019 u Rajt Raġel; li ngħatat ħajja waqt il-firxa tal-pandemija Covid-19. Il-kanzunetta hija miktuba f’forma ta’ ittra indirizzata lejn missieru li għalkemm ma jafx jekk hux qiegħed jisimgħu, jixtieq jgħarrfu li kburi li mexa fil-passi tiegħu.

Mill-ewwel tliet kanzunetti, wieħed faċli jinduna li l-ħsejjes li Philip qiegħed jaħdem fuqhom huwa aktar riflessivi, speċifikament b’lirika profonda. Għaldaqstant, interessanti biex naraw il-kumplament tal-kollezzjoni x’tinvolvi. Pa għandha produzzjoni ta’ Sean Vella, ippubblikar diġitali tal-kumpanija Ġermaniża CAP-Sounds.

Din l-informazzjoni twasslet minn Ironic PR & Artist Management.