Filmat: Musical dwar il-ħajja Missjunarja ta’ Dun Ġorġ

Il-Moviment Missjunarju Ġesù fil-Proxxmu ħabbar li se jkun qed jittella’ musical dwar il-ħajja Missjunarja ta’ Dun Ġorġ f’jum it-twelid tal-Fundatur tagħha Dun Ġorġ Grima  kif ukoll fit-32 sena ukoll mit-twaqqif tal-istess Moviment.

Il-musical għandu mużika originali tal-Mro Joe Brown u Mariella Spiteri Cefai u lirika ta’ Christian Abela se jittella’ ‘Live’ bil-parteċipazzjoni tal-band popolari ‘D Capitals’ taħt id-direzzjoni tal-Mro George Apap nhar it-8 u d-9 ta’ Frar 2020. Id-direzzjoni vokali se tkun taħt Antonella Rapa u dik artistika se tkun taħt Jamie Camilleri. Dan l-avveniment qed jittella’ bl-għan li jkomplu jsiru jafu lil dan il-bniedem li tant għamel ġid u wkoll biex jinġabru fondi sabiex il-proġetti mibdija minn Dun Ġorġ jitkomplew b’mod partikulari il-‘Feeding program’ li ta’ kuljum jitma’ ‘l-fuq minn 30,000 tifel u tifla. 

Il-Musical huwa miktub bil-Malti u ser jiġi utilizzat l-aqwa talent artistiku lokali. Il-mużika hija kollha oriġinali u l-lirika titratta wħud mill-esperjenzi li għex il-Missjunarju Dun Ġorġ.

Se tkun esperjenza fejn wieħed jieħu idea ċara xi tfisser il-ħajja missjunarja. Il-musical ser jitratta mumenti li għex Dun Ġorġ fl-artijiet tal-missjoni fosthom il-Brażil, il-Kenya u l-Etjopja.

Huwa musical bil-mużika melodjuża miktuba minn Joe Brown u Mariella Spieri Cefai li se jkompli jdaħħalna fl-ispirtu ta’ din il-ħajja ta’ qdusija. Dun Ġorġ, li ħalliena sentejn ilu, żgur li kien bniedem li diffiċċli tiddeskrivi l-ġid spiritwali li għamel f’dawn il-pajjiżi tat-tielet dinja u għalhekk ġie maħsub li b’din il-produzzjoni jitwassal aktar il-messaġġ ta’ tama u ta’ ferħ spiritwali meta wieħed jgħix il-ħajja missjunarja.

Għal aktar informazzjoni tistgħu tibgħatu emejl fuq director@gesufilproxxmu.cim jew ċemplu fuq 21 556453 jew 21 560110