Filmat: Muscat u Mizzi ma ġewx diskussi fi Brussell – il-PM

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li ż-żewġ deputati Laburist, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat u l-eks Ministru Konrad Mizzi, ma ġewx diskussi fil-laqgħat li kellu mal-Presidenti tal-istituzzjonijiet Ewropej.

Il-PM kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt illejla huwa u dieħel il-Parlament waqt li kienet għaddejja l-protesta mis-soċjetà ċivili fil-Belt Valletta.

Huwa sejjaħ il-laqgħat fi Brussell bħala pożittivi fejn huwa ddiskuta r-relazzjoni ta’ Malta mal-Unjoni Ewropea.

It-Tlieta, il-Prim Ministru kien fi Brussell għall-ewwel darba bħala Prim Ministru fejn iltaqa’ fost l-oħrajn mal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel, mal-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli u mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen.

Matul il-kampanja għall-ħatra ta’ Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela ta’ spiss semma’ l-ħidma li jrid jagħmel biex inaddaf isem Malta ‘l barra mill-pajjiż.