Filmat: Muscat m’għandux ir-rieda politika biex isewwi s-sistema – Farrugia

Read in English.

Il-Membru Parlamentari Godfrey Farrugia qal li jekk il-Prim Ministru Joseph Muscat irid jgħaqqad lin-nazzjon, ir-rikonċiljazzjoni trid issir permezz tad-demokrazija, tal-governanza tajba u tas-saltna tad-dritt. Qal li jgħidu x’jgħidu l-kelliema għall-Gvern, huwa ċar li l-Prim Ministru m’għandux ir-rieda politika biex isewwi s-sistema mkissra u biex jiggarantixxi l-indipendenza u l-kontabbiltà tal-awtoritajiet.
Fi stqarrija mibgħuta mill-Partit Demokratiku, Farrugia qal li d-dijanjosi tal-Kostituzzjoni Maltija hija ċara: il-monopolju miż-żewġ partiti ewlenin tal-Kumitat għar-Riforma Kostituzzjonali qed tkun ineffettiva u tidher li hi marbuta mal-aġenda tal-Eżekuttiv, kif jidher mill-emendi nofs leħja ppreżentati fil-Parlament dil-ġimgħa, temm jgħid.
Marcus Lauri, l-Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-PD qal li l-Kostituzzjoni hi kuntratt soċjali tal-Maltin u l-Għawdxin, u inqas kemm ikun hemm influwenza politika fuqha, iktar ikun aħjar.