​Filmat: Muscat jaħseb li jista’ jinjora u jinsulta lill-Parlament Ewropew – Metsola

Il-Membru tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li nxtegħel dawl fuq Malta minħabba l-Prim Ministru Joseph Muscat peress li fi kliemha jaħseb li jista’ jinjora lill-Parlament Ewropew (PE) u jinsulta lill-Membri tiegħu.
Waqt intervista ma’ Newsbook.com.mt, Roberta Metsola spjegat li hemm ħafna persuni fil-PE li l-irwol tagħhom huwa li jiżguraw li xi ħadd bħal Joseph Muscat u sħabu ma jagħmlux li jridu mingħajr ma jerfgħu r-responsabbilità. Qalet li Muscat huwa responsabbli għal dik li sejħet bħala “atmosfera kerha” li hawn f’Malta bħalissa.
Il-MPE qalet li qabel l-2013, ma kien hemm l-ebda rapporti dwar Malta fil-PE. Żiedet tgħid li dan kollu nbidel wara li tela’ fil-poter il-Gvern ta’ Joseph Muscat. Metsola saħqet li dan għaliex kien hemm rapporti dwar il-bejgħ tal-passaporti, kritika dwar il-Gvern Malti li qed jirrombla fuq l-istituzzjonijiet, u dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia f’pajjiż li huwa membru tal-Unjoni Ewropea.
Mistoqsija minn Newsbook.com.mt dwar jekk taħsibx li l-Oppożizzjoni qed tagħmel biżżejjed biex tiġġieled il-korruzzjoni, kemm bl-eżempju kif ukoll bl-azzjoni, Roberta Metsola saħqet li jekk ma titkellimx dwar dak li huwa ħażin l-Oppożizzjoni tkun qed tonqos mid-dmirijiet tagħha.