Filmat: Muscat għandu jirriżenja issa? Farrugia ma jweġibx

Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia ddeċieda li ma jweġibx il-mistoqsija jekk wara l-vot fil-Parlament Ewropew, il-Prim Ministru Joseph Muscat għandux jirreżenja b’mod immedjat. Minflok, iddeċieda li jispjega l-mod kif skontu għandha tkun komposta delegazzjoni Ewropea li tmur tanalizza l-Gvern ta’ pajjiż.

Waqt attività tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li għaliha kien hemm preżenti l-Ministru Farrugia, hu ġie mistoqsi minn Newsbook.com.mt jekk Muscat għandux jirreżenja immedjatament wara l-vot li ttieħed fil-Parlament Ewropew. 581 MPE vvutaw favur, 26 ivvutaw kontra u 83 astjenew. Fost dawk li vvutaw favur ir-reżenja ta’ Muscat kien hemm il-grupp kollu tal-S&D ħlief l-erba’ MEPs tal-Partit Laburista.

Farrugia sostna li ħafna mill-pajjiżi kollha Ewropej jekk jgħollu għabthom se jxommu r-riħa. Qal li jiskanta kif dawn huma l-istess persuni li ġejjin minn bosta pajjiżi li jinsabu taħt il-lenti Ewropea u pajjiżi oħrajn li mhux jissemmew il-problemi li għandhom.

Farrugia jimplika li Metsola ma kellhiex tkun parti mid-delegazzjoni Ewropea

Il-Ministru Farrugia sostna li d-delegazzjonijiet Ewropej m’għandhomx ikunu partiġġjani. Qal li meta wieħed qed jeżamina l-ħidma Governattiva ta’ pajjiż, irid jara li ma jkunx hemm persuna minn dak l-istess pajjiż. Qal dan irrispettivament jekk din il-persuna tkunx favur il-Gvern jew kontra.

Hu sostna li jkun tajjeb ukoll li din id-delegazzjoni tkun komposta minn grupp ta’ esperti li huma ‘l bogħod mill-partiti politiċi. Qal li dawn għandhom jassessjaw lil kull pajjiż fl-Unjoni Ewropea u b’hekk jaraw li kull pajjiż ikollu gwida ta’ fejn għandu jirranġa sabiex ikun konformi mal-liġijiet Ewropej.