Filmat: “Mur għidli li dik setgħet kienet l-aħħar ġurnata li rajt lil missieri”

Leah Schembri, bint Simon Schembri spjegat li dakinhar li missiera ttajjar u tkaxkar minn żagħżugħ ta’ 17-il sena li ħallieh għal żmien jissielet għal ħajtu, kienet għadha kemm ratu jitlaq għax-xogħol fuq il-mutur qabel ma marret l-iskola. “Mur għidli li fik setgħet tkun l-aħħar ġurnata li qatt rajtu f’ħajti,” sostniet hi.

Dan qalitu f’intervista li saret lilha, lill-bqija tal-familja tagħha u ħaddiema fil-qasam tal-Pulizija, Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili u l-Forzi Armati fost l-oħrajn li jissugraw ħajjithom ta’ kuljum għall-protezzjoni taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Din l-intervista saret minn The Simon Schembri Blue Light Foundation li bdiet bil-għan li tgħin f’każijiet bħal dawk tal-kuntistabbli u tqajjem għarfien.

Moira Schembri, mart Simon irrakkuntat kif malli waslet l-isptar rat lil saħbu tax-xogħol, il-Pulizija tat-traffiku kollha barra, u fl-emerġenza kien hemm il-ħbieb tal-qalb tiegħu. Spjegat kif it-tabib qalilha li kienu qed jagħmlu minn kollox biex isalvaw ħajjet Schembri iżda li kien tilef idu. “Kien xokk kbir għalijja,” kompliet hi.

Liam Schembri, it-tifel iż-żgħir tal-kuntistabbli qal li rrealizza kemm kienet gravi s-sitwazzjoni meta wasal l-isptar. Spjega kif minħabba li kien iqatta’ ħafna ħin ma’ missieru, il-familjari tiegħu damu ma qalulu eżatt x’kien qed jiġri. Intant Sheean Schembri, it-tifel il-kbir tal-kuntistabbli qal li dak il-mument ħass ħafna affarijiet imma beda jipprova jkun hemm għall-familtu u jaħbi dak li verament kien qed iħoss.

Tkellem ukoll Renato Agius, ħaddiem tal-Protezzjoni Ċivili u qarib ta’ Schembri. Irrakkonta kif dakinhar tal-inċident inzerta kien xogħol, u minkejja li sħabu qalulu biex jevita milli jmur, minħabba li kienet se tkun diffiċli jarah f’dak l-istat, xorta ddeċieda li jrid ikun parti mit-tim ta’ salvataġġ. Spjega kif minkejja li nduna li Schembri ma kienx qiegħed fi stat tajjeb għamel il-kuraġġ u kien ta’ sapport għalih f’mument daqshekk sensittiv u diffiċli.