Filmat: Movimento – Agħraf l-għodda tal-koreografija taż-żfin

Read in English.

Qatt ħsibt x’inhu żfin kontemporanju? Ġieli ħriġt mit-teatru tħokk rasek tipprova tifhem x’rajt jew x’tifsira kellu?

Issa għandek iċ-ċans li tkun spettatur attiv u tikseb l-għodda meħtieġa billi tattendi Movimento, serje ta’ ħames laqgħat immexxija minn ħames artisti differenti li fihom se jkunu qegħdin jintroduċu l-arti taż-żfin u l-koreografija.

Fit-tieni staġun li qed jittella’ Movimento, ŻfinMalta qiegħda tikkollabora ma’  Heritage Malta biex jintroduċu ż-żfin lil udjenza usa’. Dan il-proġett se jgħin lill-parteċipanti jifhmu aħjar il-koreografija kontemporanja u kif tiġi ispirata mill-ħajja. Dan kollu se jingħata l-ħajja fil-MUŻA minn artisti esperti fil-qasam tagħhom. Mela ħu sehem u pparteċipa!

Kull min huwa interessat fiż-żfin u jixtieq jindaga kif tinħoloq żifna jista’ jipparteċipa, għalkemm huwa rrakkomandat li l-parteċipanti jkollhom mill-inqas 12-il sena. Is-sessjonijiet huma każwali, informali, informattivi, immersivi, interattivi u jinvolvu lill-parteċipanti.

Is-sessjonijiet se jitmexxew minn artisti esperti bl-għajnuna taż-żeffiena ta’ ŻfinMalta. Kull sessjoni se tkun marbuta ma’ produzzjoni li se tittella’ minn ŻfinMalta fix-xhur li ġejjin.

L-ewwel sessjoni se ssir fil-MUŻA, fil-Belt, nhar il-Ħamis 17 t’Ottubru fis-6.30 p.m. u se titmexxa minn Dr Victor Jacono. Matul din is-sessjoni se jkun diskuss ‘The Art of Unison’ (L-arti tal-għaqda).

Dr Jacono hu lettur fl-Istitut tal-Arti Kreattiva fl-MCAST u qed ikompli jsaħħaħ l-esperjenza tiegħu bħala artist teatrali, riċerkatur u edukatur. Fuq l-istess linja tal-istudju tiegħu f’”La Sapienza” f’Ruma, Dr Jacono iżewwaq ix-xogħol tiegħu fil-kultura u fl-arti mal-interess f’sistemi iktar kumplessi, speċjalment mal-mod kif jaħdem il-moħħ, biex joħloq kreattività li tista’ tiġi adottata mill-artisti u anke minn persuni oħrajn.

Il-biljetti għal dawn is-sessjonijiet jinsabu għall-bejgħ għall-prezz ta’ €10, bil-membri ta’ Heritage Malta u studenti u anzjani jħallsu €8. Il-biljetti jistgħu jinxtraw mill-mużewijiet u siti ta’ Heritage Malta jew inkella online, mil-lum, 19 ta’ Settembru.

Is-sessjonijiet l-oħrajn se jsiru f’Jannar, Frar, April u Ġunju tal-2020.