Filmat: Move Bak: logħba fuq karozza tal-linja Maltija

Read in English.

Waħda mill-iżjed frażijiet marbuta mal-Maltin hija l-famuża “Move back!” li għadha tinstema’ ta’ sikwit fuq il-karozzi tal-linja, kull meta l-karozza tibda timtela sa ruħ ommha u n-nies donnhom jistaġnaw fil-biċċa ta’ quddiem minkejja li fuq wara jkun hemm biżżejjed spazju għalihom. Żewġ aħwa ħolqu logħba bbażata f’Malta bl-isem “Move Bak.”

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Mark u Joseph Bonnici li spjegaw li l-logħba bdiet meta Mark kien qed jilgħab b’demos differenti għal logħba tas-sewqan, b’ambjenti differenti u madum ispirat mill-arkitettura Maltija. Joseph imbagħad irrakkomanda li jużaw karozza tal-linja Maltija.

Il-logħba nħarġet xahrejn ilu fuq iTunes App u Google Play. L-aħwa spjegaw li ma rriklamawx il-logħba wisq, iżda din tniżżlet għadd ta’ drabi, u x’aktarx in-nies saru jafu biha mingħand oħrajn. Qalu li fost dawk li niżżlu l-logħba hemm anke komunitajiet Maltin fl-Awstralja u fil-Kanada.

Fil-logħba, il-plejers ikunu ġo karozza tal-linja għaddejjin minn post għall-ieħor, u anke jżuru l-istejġis ta’ tal-linja. Il-post li jżuru l-aħħar huwa l-Funtana tat-Tritoni fil-Belt Valletta.

L-aħwa qalu wkoll li ma jeżistux ħafna logħbiet li huma bbażati f’Malta, u b’hekk, permezz ta’ din il-logħba, qegħdin joħolqu tifkira tal-kultura Maltija fil-forma ta’ app.

Credit: 2Fold Games