Filmat: Monsinjur Mario Grech se jinħatar Kardinal

L-Isqfijiet Maltin jifirħu lil Monsinjur Grech

Read in English.

Il-Papa Franġisku għadu kemm ħabbar 13-il Karnidal ġdid fosthom lill-Isqof Emeritu ta’ Għawdex Monsinjur Mario Grech. Monsinjur Mario Grech huwa s-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet.

Waqt l-Angelus mit-tieqa tal-Palazz Apostoliku li tagħti għal fuq Pjazza San Pietru fil-Vatikan, il-Papa qara l-lista ta’ 13-il Karnidal ġdid.

Il-kardinali l-ġodda se jinħatru fit-28 ta’ Novembru li ġej meta l-Papa jlaqqa’ konċistorju.

Ma’ Monsinjur Mario Grech, il-Papa ħabbar 12-il isem ieħor li fosthom hemm l-Arċisqof ta’ Washington Wilton Gregory, it-Taljan Marcello Semeraro, l-Arċisqof ta’ Kilgali fir-Rwanda Antoine Kambanda u l-Patri Kapuċċin Raniero Cantalamessa.

L-Isqfijiet Maltin jifirħu lil Monsinjur Grech

L-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma feraħ lil Monsinjur Mario Grech. Huwa qal li “l-missjoni tal-Isqof Mario tmiss il-qalba tal-Knisja, il-ħidma flimkien tal-isqfijiet tal-pajjiżi kollha tad-dinja u tad-diversi riti u kulturi fil-Knisja. Din il-ħidma delikata titlob dixxerniment u għaqal kbir biex isseħħ ir-rieda ta’ Alla fil-Knisja tiegħu”.

Intant fi stqarrija konġunta, l-Isqfijiet Maltin Charles Scicluna u Joseph Galea Curmi flimkien mal-Isqof Teuma ferħu lill-Kardinal-elett u wegħduh it-talb tagħhom “biex ikompli jaqdi l-Knisja Universali skont ir-rieda ta’ Alla”.

Fi stqarrija, id-Djoċesi ta’ Għawdex qalet li Monsinjur Grech huwa l-ewwel Għawdxi li qatt inħatar Kardinal. Mons. Grech, imwieled il-Qala, hu minn Ta’ Kerċem, u serva bħal Isqof ta’ din id-Djoċesi mill-2005 sa din is-sena, meta l-Papa sejjaħlu biex ikun is-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet f’Ruma.

Ir-reazzjoni tal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż

Fi stqarrija tal-Gvern, il-Prim Ministru Robert Abela feraħ lill-Monsinjur Grech u qal li għamel lil Malta u Għawdex kburin b’din in-nomina hekk kif sar it-tielet Malti li se jkun Kardinal Malti fl-istorja.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech awgura lil Monsinjur Grech u qal li din hija aħbar li timliena bil-ferħ.

Il-QT il-Papa Franġisku għadu kemm ħabbar illi l-Isqof Emeritu Mons Mario Grech se jkun maħtur Kardinal f’Novembru li…

Posted by Bernard Grech on Sunday, October 25, 2020

Anki l-President ta’ Malta George Vella feraħ lill-Isqof Emeritu Mario Grech:

Filmat: Vatican News