Filmat: MOAS ilha tliet snin toffri tama ġdida

L-organizzazzjoni umanitarja Migrant Offshore Aid Station (MOAS) qed tiċċelebra tliet snin minn meta salvat l-ewwel grupp ta’ migranti u refuġjati li sabu ruħhom f’diffikultà fil-Mediterran waqt li kienu qed jaħarbu l-gwerra u l-persekuzzjon f’pajjiżhom.
Minn dakinhar, MOAS tat tama u ħajja ġdida lil 40,000 persuna.
L-għan ta’ MOAS huwa wieħed dirett u sempliċi. “Ħadd ma jistħoqlu jmut fil-baħar.” Fil-fatt MOAS ma taħdimx biss biex issalva l-ħajjiet u tipprevjeni mwiet fil-baħar imma wkoll biex tqajjem kuxjenza fl-Ewropa dwar din il-kriżi umanitarja li fi kliemha “qed tikkonsma lill-Mediterran."
Fl-aħħar xhur, MOAS kienet l-ewwel organizzazzjoni li ffirmat il-Kodiċi ta’ Etika ġodda għal dawk l-għaqdiet li jfittxu u jsalvaw il-migranti fil-Mediterran.
Il-Fundatur,  Christopher Catrambone, qal li MOAS ffirmat dan il-Kodiċi bħala solidarjetà mal-Gvern u l-poplu Taljan li fi kliemu huwa l-uniku poplu fl-Ewropea kommess li jgħin u jħalli għaqdiet umanitarji jwettqu xogħlhom.
Min-naħa tagħha, id-Direttur u kofundatur Regina Catrambone qalet li l-Mediterran minn dejjem kien ambjent perikoluż u imprevedibbli u propju għalhekk li MOAS dejjem rat li jkollha magħha professjonisti u esperti fil-qasam tat-tiftix u s-salvataġġ.
Saħqet li MOAS ma taffordjax li twaqqaf il-missjoni tagħha. “Waqt li qed niddiskutu kif se nimblokkaw u nevitaw il-migranti, għad hemm dawk li qed jirriskjaw ħajjithom fuq il-baħar."
Fl-aħħar jiem, MOAS salvat 345 persuna li kienu fuq dinghy tal-lakstu.
MOAS ilha żmien tappella lill-Awtoritajiet Ewropej biex joħolqu “kurituri umanitarji siguri u legali għal dawk li qed ifittxu l-ażil.”