Filmat: Mix-xogħol fil-Kottonera għal unur tal-Commonwealth

Chris Mizzi rebaħ il-premju mogħti mill-Commonwealth li jirrikonoxxi l-qasam tax-xogħol maż-żgħażagħ.
F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Chris spjega li l-proġett tiegħu kien jikkonsisti f’xogħol maż-żgħażagħ fil-Kottonera. Dan hu proġett li Chris wettaq mal-Aġenzija Żgħażagħ u mal-kollega tiegħu Simon Schembri.
Matul il-ġurnata, Chris kien iqatta’ xi ħin maż-żgħażagħ li jintefgħu fit-triq jew fejn il-bandli biex isir jafhom u jkun jista’ jgħinhom fil-problemi tagħhom. Spjega wkoll li “dan ix-xogħol huwa kunċett ġdid għal Malta” iżda li jħallilu sodisfazzjoni kbir meta f’uħud mill-każi jirnexxielu jikkonvinċi liż-żgħażagħ biex minflok jibqgħu jaħlu l-ħin fit-triq, ikomplu jistudjaw u javvanzaw fil-karriera li jixtiequ.
Uħud mill-problemi kienu jikkonsistu f’nuqqas ta’ impjieg għaż-żgħażagħ jew nuqqas ta’ informazzjoni dwar servizzi pubbliċi.
Kompla jispjega li l-għajnuna tiegħu kienet ġeneralment tikkonsisti billi jagħti l-informazzjoni meħtieġa liż-żgħażagħ u b’hekk iressaqhom iktar lejn istituzzjonijiet bħal Kunsill Lokali biex jingħataw is-servizz li jkunu qed ifittxu.
Chris qal ukoll li ż-żgħażagħ fil-Kottonera jixtiequ iktar spazji pubbliċi fejn iqattgħu l-ħin liberu tagħhom u ressaq il-proposta li jsir skatepark żgħir fil-baċir ta’ Bormla.
Filmat: Commonwealth