Filmat: Mistennija 10,000 turist għall-5 edizzjoni ta’ Lost and Found

Skont l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA) il-ħames edizzjoni tal-festival Lost and Found għandu jattira madwar 10,000 persuna mir-Renju Unit lejn Malta.

F’konferenza tal-aħbarijiet kelliem għall-MTA qal li din l-attività ddum sejra ħames t’ijiem. L-attività tittella’ f’Café del Mar, l-Armier, it-Torri l-Aħmar, u l-klabb Numero Uno.

Wieħed mill-organizzaturi tal-festival, Stephen Allison, qal li s-suq tal-festivals fir-Renju Unit dejjem qed jikber b’aktar destinazzjonijiet. Qal li Malta għadha destinazzjoni b’saħħitha. Qal li l-bejgħ tal-biljetti għall-festival dejjem qed jiżdied.

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li t-turiżmu tal-festivals huwa importanti ħafna għal Malta. Qal li l-festival Lost and Found huwa avveniment li n-nies ikunu qed jistennew. Qal li d-ditta hija waħda famuża bis-saħħa tad-DJ Annie Mac. Spjega li t-turisti li jiġu jħallu madwar €8 miljun f’Malta bl-infieq tagħhom fil-bars u fl-akkomodazzjoni. Qal li qed isir xogħol biex l-istaġun tal-festivals f’Malta jitwal sa Ottubru.

“M’għamilt xejn ħażin” – Mizzi

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar kif iħossu bħala l-uniku Ministru fl-Unjoni Ewropea li hu suġġett ta’ inkjesta kriminali, wieġeb li dan huwa “assessment żbaljat”. Huwa żied jgħid li se jkun qed jiffoka fuq l-affarijiet li fil-fehma tiegħu huma importanti għan-nies.

Mistoqsi jekk għandux tassew lil Malta f’qalbu fid-dawl tal-persistenza tiegħu biex ma jirreżenjax, Mizzi qal li m’għamel xejn ħażin. Qal li jħares ‘il quddiem biex jaħdem fil-qrib mal-poplu Malti u Għawdxi li eleġġieh fl-2013 u fl-2017 b’maġġoranza Akbar. Mizzi mbagħad telaq minn ħdejn il-ġurnalist ta’ Newsbook.com.mt waqt li dan kien qed jistaqsih domanda oħra.

Nhar it-Tnejn li għadda, il-Maġistrat Doreen Clarke ordnat li l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront ta’ Mizzi b’rabta mal-Panama Papers għandhom jiġu investigati mill-Maġistrat Charmaine Galea. Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li dan ifisser li l-Ministru Mizzi huwa s-suġġett ta’ inkjesta maġisterjali kriminali. Min-naħa tiegħu l-Gvern irribatta li din mhux inkjesta ġdida u li se tkun il-Maġistrat Charmaine Galea li tqis l-“allegazzjonijiet”.