Filmat: “Missier b’qalb kbira” – l-aħħar tislima lil Rokku

Miguela Xuereb

Rokku Bonnici, is-sajjied ta’ 85 sena li tilef ħajtu t-Tlieta li għadda f’Wied iż-Żurrieq, ġie deskritt bħala missier b’qalb kbira. Dan hekk kif illum waranofsinhar ingħatatlu l-aħħar tislima fil-Knisja Parrokkjali taż-Żurrieq.

Fl-omelija, l-Arċipriet Dun Karm Mercieca qal li Rokku kien bniedem mill-aħjar u li dejjem kien lest biex jgħin lill-ħaddieħor.

 

Rokku, miet waqt li kien qed “jagħmel dak li jħobb”, jipprattika d-delizzju tiegħu, dak tas-sajd. Ħbieb u qraba ta’ Rokku ppakkjaw il-Knisja taż-Żurrieq, ċertifikat ta’ kemm l-anzjan mess il-qlub tan-nies.

Sentejn ilu, Rokku kien salva persuna mill-għarqa mill-istess inħawi fejn inħasditlu ħajtu. Għal dan il-ġest nobbli, din is-sena hu ngħata l-unur ta’ Ġieħ iż-Żurrieq.