Filmat misruq lill-Istat Iżlamiku juri militanti jittorturaw tifel

Filmat miġbud b’telefon ċellulari juri dawk li allegatament huma militanti tal-Istat Iżlamiku jittorturaw tifel Sirjan ta’ 14-il sena.
Il-filmat, li jinsab f’idejn il-BBC, juri lil Ahmed jiġi msawwat meta kien imdendel mill-poloz t’idejh u maqtugħ mill-art.
It-tifel, li tkellem mal-istess BBC, qal li kienu jsawtuh, xi drabi anke jtuh xokkijiet, biex jgħaddilhom informazzjoni.
It-tifel kien inħataf mill-militanti tal-Istat Iżlamiku u użat anke biex iqiegħed bombi.
Ahmed kien ingħata sentenza ta’ mewt mill-militanti imma tħalla jaħrab mill-persuna li kienet responsabbli mill-ħabs biex issa jinsab fit-Turkija.
Il-BBC tkellmet ukoll mal-persuna li għaddielhom il-filmat, li wkoll kien parti mill-Istat Iżlamiku imma li ċaħadhom.
In-Nazzjonijiet Magħquda kemm-il darba saħqet li l-Istat Iżlamiku, u gruppi militanti oħra fis-Sirja u fl-Iraq, qed jittorturaw u joqtlu t-tfal.
Żagħżugħ ieħor li tkellem mal-BBC żvela kif iġġieled u qatel f’isem il-grupp militanti al-Nusra, li hu marbut mal-al-Qaeda, u li dan għamlu meta kellu 15-il sena. Żvela li meta ngħaqad mal-Istat Iżlamiku, sab żgħażagħ saħanistra ta’ 13-il sena li kienu qed jiġu ddottrinati.