Filmat: Miriam Dalli interessata li tilħaq Kap tal-PL?

Il-Membru Parlamentari Laburista Miriam Dalli qalet li bħalissa qed tiffoka fuq xogħolha fil-Parlament Ewropew. Madanakollu ma qalitx li ma tikkunsidrax tieħu l-irwol ta’ Kap tal-Partit Laburista jekk dan ikun vakat.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Dalli waqt is-sessjoni plenarja fi Strasburgu li saret il-ġimgħa li għaddiet. Dalli qalet li l-Prim Ministru Joseph Muscat kien ċar fi kliemu fid-diskors tiegħu tal-Ħadd 15 ta’ Settembru. Hu kien qal li hu la se jitlaq issa, la waqt u lanqas wara l-baġit.

Aqra: Awdjo: “Mhux se nitlaq issa, la waqt u lanqas wara l-baġit” – Muscat

Dalli qalet li hi wkoll dejjem kienet ċara fi kliemha. Insistiet li bħalissa hi qed tiffoka b’mod sħiħ fuq il-ħidma tagħha fil-Parlament Ewropew. Qalet li mbagħad, meta jkun hemm ċaqlieq fil-partit, wieħed jara x’jagħmel f’dak il-mument.

Sostiet li l-għan ewlieni tagħha huwa li l-pajjiż ikun b’saħħtu u magħqud. Biex dan isir, irid ikollok kulħadd iffukat fuq ix-xogħol tiegħu u jsegwi mexxej wieħed. Qalet li fil-mument dan il-mexxej huwa Joseph Muscat.