Din is-sena, Dar Manresa se tkun qed tipprovdi ikla tal-Milied għal madwar 150 Għawdxi fil-bżonn jew li jkun fis-solitudni.
Ma’ Newsbook.com.mt Joe Mercieca, li jieħu ħsieb Dar Manresa li hija dar tal-Ġiżwiti għall-irtiri f’Għawdex, qal li l-inizzjattiva bdiet is-sena li għaddiet. L-idea ġietu meta kien qed jitkellem mal-mara tiegħu u qal li jkun tajjeb li kieku kellhom jagħmlu xi ħaġa għall-Milied.
Mercieca beda jitkellem ma’ diversi persuni fi ħdan il-djoċesi ta’ Għawdex li qalulu jagħmel packed lunches għall-familji. Hu mar pass oltre u s-sena l-oħra ħejja 100 ikla kompluta għall-familji. Din is-sena l-mira ta’ Mercieca kienet għal 150 ikla. Dawn jingħataw lill-Kapillani u lill-Arċiprieti tal-irħula Għawdxin biex dawn imbagħad iqassmuhom lin-nies fil-bżonn tal-parroċċa tagħhom.
L-ikla ta’ din is-sena se tinkludi timpana, dundjan bil-ħaxix u l-patata, ħobż, soft drink, u deżerta.
Fr. Victor De Gabriele qal li Dar Manresa hija dar tat-talb fejn nies jistgħu jiġu biex isibu l-kwiet.
Min jixtieq jgħin lil Dar Manresa fl-inizzjattiva tagħhom tal-ikla tal-Milied jistgħu jibgħatu imejl fuq info@newsbook.com.mt jew inkella jċemplu fuq 2155 6635.
Filmat: Miguela Xuereb