Filmat: “Minn dejjem kienet tħobb il-kamera” – omm Francesca

Omm Francesca Rausi, mudella ċkejkna bid-downsyndrome li għandha biss tliet snin qalet ma’ Newsbook.com.mt li t-tifla minn dejjem kienet tħobb il-kamera.

Waqt l-intervista, l-omm spjegat li kienet din l-imħabba għall-kamera li wasslet sabiex it-tifla tibda tipparteċipa bħala mudella. Michelle Rausi qalet li malli esprimiet dan l-interess, Ivan Gaffiero u Sue Rossi immedjatament tawha opportunità ssegwi l-ħolma tagħha u b’hekk il-Ħadd li ġej se tkun l-iżgħar mudella fil-kompetizzjoni ta’ Gaffiero Productions.

Rausi qalet li waħda mir-raġunijiet prinċipali għaliex xtaqet li Francesca tkun parti minn din il-kompetizzjoni kien sabiex turi li tfal b’abbiltajiet differenti jistgħu jagħmlu kollox, bħal tfal oħrajn. Spjegat li llum il-ġurnata, tfal bid-down syndrome imorru l-iskola ma’ tfal oħra u b’hekk qed tonqos l-istigma.

“Tfal bid-down syndrome jagħmlu kollox bħall-oħrajn”

Ma’ Newsbook.com.mt Rausi spjegat li tħoss li b’passi bħal dawn tqajjem aktar kuxjenza dwar il-fatt li tfal bid-down syndrome huma kapaċi jagħmlu kollox bħal tfal oħra. Spjegat li forsi jieħdu ftit żmien aktar. Qalet li barra minn Malta, dawn l-affarijiet huma normali u tarahom kullimkien, iżda forsi f’Malta għadna ftit lura minħabba anke biżà min-naħa tal-ġenituri. Tenniet li l-importanza qatt ma għandha tkun li bintha tipparteċipa biex tirbaħ, iżda l-importanti huwa li titħalla tikkompeti bħal tfal oħra, irrelevanti jekk tirbaħx jew le.

Aqra: Tfajla ta’ 20 sena bid-Down Syndrome ssir il-wiċċ il-ġdid ta’ ditta tal-kożmetiċi

“Il-ġenituri ma jridux jaqtgħu qalbhom”

Rausi kompliet tinsisti li huwa importanti li l-ġenituri ta’ tfal b’abbiltajiet differenti jimxu ‘l quddiem u ma jaqtgħux qalbhom. Tenniet li minkejja l-biżà li forsi jħossu, huwa importanti li t-tfal jitħallew jimirħu. Qalet li xi kultant, meta l-ġenituri jagħmlu dan il-pass jindunaw li t-tfal huma ferm aktar kapaċi milli jaħsbu. Qalet li llum il-ġurnata kulħadd huwa aċċettat u huwa importanti li din tibda mill-ġenituri.

Propju llum, Francesca għandha l-prova tagħha għall-kompetizzjoni li se ssir nhar il-Ħadd li ġej. Bħalissa hemm ukoll miftuħ it-televoting li se jibqa’ miftuħ propju sal-Ħadd. Wieħed jista’ jivvota fuq 50614214.

Filmat: Miguela Xuereb