Filmat: Minn Birkirkara? Ara ssibx il-laqam tiegħek!

Il-laqmijiet huma parti integrali mill-ħajja Maltija. Ivarjaw minn żmien għall-ieħor u minn raħal għal ieħor. Id-dizzjunarju tal-Professur Charles Briffa tal-laqmijiet Karkariżi, b’aktar minn 300 paġna ta’ laqmijiet, huwa xhud ta’ dan.

Prof. Briffa spjega lil Newsbook.com.mt kemm qam interess fost il-Karkariżi dwar dan il-proċess. Bħala Professur tal-lingwa, huwa fettillu jistaqsi lill-Karkariżi għal xi laqmijiet tar-raħal li jafu bihom, u kien sorpriż bir-rispons qawwi li rċieva. Barra minn hekk, biex jiġbor il-laqmijiet minn ħalq il-lupu, sikwit poġġa man-nies tar-raħal, jisma’ bil-biżibilju laqmijiet li jżewqu s-sqaqien Karkariżi.

Hemm tendenza li l-laqmijiet ikunu umoristiċi, li jaqbdu ma’ xi partikolarità fl-apparenza, spjega Prof. Briffa, ngħidu aħna “it-twila.”

Fl-istudju tiegħu, Prof. Briffa sab laqmijiet antiki tant li jmorru  lura għaż-żminijiet Medjevali, li kien semmiehom ukoll il-Professur Godfrey Wettinger fl-istudju storiku tiegħu. Briffa nnota li l-medda l-kbira tal-laqmijiet ġejjin mill-Għarbi, filwaqt li hemm numru iżgħar ġejjin mill-Isqalli, u oħrajn mill-Ingliż.

Il-laqmijiet jiżvelaw affarijiet interessanti dwar il-lingwa, ngħidu aħna xi kliem li llum intesa, jew kliem li mhux soltu jintuża fil-lingwa ta’ kuljum, bħal “makawwa,” li Prof. Briffa spjega li hu tip ta’ pappagall. Huwa żied li sab li xi laqmijiet jintużaw ukoll fi rħula oħra, u mhumiex esklużi għal Birkirkara biss.

Punt lingwistiku interessanti li ħareġ minn dan l-istudju kien li l-femminil ma jsirx biss billi tiżdied “-a” ma’ tarf il-kelma, imma mal-vokali tiżdied ukoll il-konsonanti “w-.” Mela wieħed jista’ jsib laqmijiet bħal “karfusuwa,” jew “tiġiġuwa,” minflok kif normalment ngħidu l-kelma, “karfusa” u “tiġieġa.”

Prof. Briffa żied jgħid kemm hu importanti li jinġabru dawn il-laqmijiet, li huma xhieda ta’ kemm hu ħaj il-Malti.

Tista’ tikseb kopja ta’ dan id-dizzjunarju billi tikkuntattja lill-Kunsill ta’ Birkirkara.