Filmat: Minkejja r-riħ, il-Gozo Channel jibqa’ jaħdem

Minkejja r-riħ kbir li ħakem lil Malta llum, il-Gozo Channel baqa’ jaħdem skont l-iskeda l-ġurnata kollha.
Fuq filmat li tpoġġa onlajn, wieħed mill-vapuri jidher jaqsam il-fliegu bejn Malta u Għawdex, sakemm jasal fil-port ta’ Malta. Qabel ma daħal, il-vapur deher f’taqbida kontra l-forzi tan-natura jipprova jdawwar id-direzzjoni. Persuni fuq il-post qalu li ma kinitx faċli għall-vapur biex jankra fil-port.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ rappreżentant tal-kumpanija Gozo Channel, li qal li r-riħ f’ebda mument ma kien qawwi biżżejjed biex il-vapur ma jkunx jista’ jaqsam bejn Malta għal Għawdex.
Qal ukoll li s’issa l-ħsieb hu li jibqa’ jaħdem skont il-ħinijiet tal-iskeda. Minkejja dan, ma kkonfermax li ma jistax ikun hemm xi tibdil fil-ħin li ġej, skont is-sitwazzjoni tat-temp.

Uħud minn dawk li kkummentaw fuq il-midja soċjali wrew id-diżappunt tagħhom għall-fatt li m’għandhomx alternattiva oħra għajr li jużaw il-Gozo Channel meta t-temp ma jkunx pjaċevoli.