Filmat: Ministri siekta, oħrajn jiddieħku bid-domandi tal-ġurnalisti

Propju wara li ntemmet il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari f’Kastilja u l-Ministri u rrappreżentanti tal-Gvern irħewlha lejn il-Parlament, il-ġurnalisti ċċirkondawhom biex jistaqsuhom il-mistoqsijiet.

Filwaqt li l-maġġoranza ddeċidew li jinjoraw kompletament lill-ġurnalisti, oħrajn iddeċidew li dan kien il-mument opportun fejn ifaqqgħu xi ċajta.

Il-mistoqsija ewlenija tal-ġurnalisti kienet dik dwar x’azzjoni se jkunu qed jieħdu wara l-laqgħa partikolari, speċjalment fil-konfront tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri. Staqsewhom wkoll dwar l-opinjoni tagħhom fuq is-sitwazzjoni kurrenti tal-pajjiż.

Ministri varji baqgħu għaddejjin dritti daqs xemgħa minn quddiem il-ġurnalisti b’għan wieħed, li jaslu l-Parlament b’fommhom sieket.

Intant, propju wara li dalgħodu l-Ministru Evarist Bartolo appella sabiex Mizzi u Schembri jwarrbu mill-pożizzjonijiet tagħhom għall-benefiċċju tal-Partit Laburista, illejla sostna li kien kuntent bl-iżvilupp tal-laqgħa tal-grupp parlamentari. Mistoqsi jekk għadux iħossu komdu f’dan il-kabinett, il-Ministru Evarist Bartolo prova jiċċajta u jgħid li f’dak il-mument ma kienx jinsab komdu għax kienet nieżla x-xita.

Min-naħa tagħha, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li hemm bżonn li “nħallu d-diskussjonijiet għaddejjin”. Hi insistiet li hemm bżonn li l-istituzzjonijiet jitħallew jaħdmu.

Qabel dan kollu, il-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista b’mod unanimu kien għadu kemm ta’ vot ta’ fiduċja fil-Prim Ministru Joseph Muscat Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li l-vot intalab mill-Prim Ministru nnifsu u li ttieħed b’mod sigriet. Żied jgħid li l-laqgħa tal-lum kienet parti minn proċess li se jitkompla u li jwassal għal deċiżjonijiet.

Filmati: Miguela Xuereb

Sadanittant, wara s-seduta Parlamentari tal-lejla, reġa’ ddomina s-silenzju mill-Membri Parlamentari minn naħa tal-Gvern.

Filmat: Monique Agius