Filmat: “M’iniex eċċezzjoni” – Il-Kardinal Elett fuq is-solitudni

Dun-Mario-Grech
Miguela Xuereb

Read in English.

Kulħadd jista’ jħossu waħdu minn żmien għal żmien, mhux l-anzjani biss jew il-foqra. Din l-emozzjoni jistgħu jħossuha nies li qatt ma basru li se jħossuhom waħedhom. Waqt intervista fuq Newsbook Q&A, il-Kardinal Elett Mario Grech qal li saħansitra l-Papa ammetta li ġieli ħassu waħdu.

Dun Mario, kif jippreferi li jissejjaħ, semma intervista riċenti li fiha, il-Papa Franġisku tkellem fuq is-solitudni. Il-Papa spjega li jħossu waħdu meta n-nies li suppost jikkoperaw miegħu ma jagħmlux dan, meta dawk li misshom ixammru l-kmiem biex jgħinu lill-oħrajn ma jagħmlux hekk, jew meta ma jimxux mad-direzzjoni li jagħti hu.

Dan il-kliem, irrifletta Dun Mario li dalwaqt isir Kardinal, jindika l-piż li għandu l-Papa miżjud mat-toqol li diġà jġorr.

“M’iniex eċċezzjoni”

Dun Mario qal li l-Papa semma tip ieħor ta’ solitudni li hu ma jħossx għax sab ħafna nies li jaħsbuha bħalu, li jieħdu r-riskji għax jafu li qegħdin fit-triq it-tajba. Madankollu, l-eks Isqof t’Għawdex osserva li aktar kemm wieħed jokkupa pożizzjoni għolja, aktar hemm ċans li jħossu waħdu.

Bi tbissima, stqarr li hu mhuwiex eċċezzjoni u kien ikollu emozzjonijiet simili meta kien Isqof t’Għawdex.

Hemm lok għall-bidla fil-Vatikan?

Dun Mario rrakkonta episodju meta ngħata ittra minn funzjonarju fil-Vatikan li kienet tgħid li l-affarijiet hemmhekk ma jinbidlux. Qal li rrepeta dan mal-Papa, iżda l-Papa pponta lejn l-ittra, u qallu, “U dak hu d-dnub, li naħsbu li kollox għandu jibqa’ l-istess,” meta ma jkunx hemm aġent għall-bidla.

Fr Joe Borg u Sylvana Debono, li kienu qed jintervistawh, staqsewh, iżda, huwiex prezz għoli wisq xi jħallas, l-emozzjoni kostanti tas-solitudni. Huwa wieġeb li mhuwiex prezz għoli wisq meta jkun Kristu li qed jappella għall-bidla.

Attent għas-solitudni

Dun Mario jirrikonoxxi li ma kinitx deċiżjoni faċli biex jitlaq minn Għawdex għall-belt kbira li hi Ruma. Mistoqsi, huwa qal li l-ġurnata tiegħu tibda kmieni bit-talb u b’quddiesa, imbagħad imur għax-xogħol.

Filgħaxijiet, iżda, donnu ma jkunx jaf x’se jagħmel. Filwaqt li stqarr li sab “familja ġdida” fil-patrijiet Agostinjani fejn joqgħod, is-solitudni tista’ tkun periklu kbir, u Dun Mario qal li jrid joqgħod attent li ma jispiċċax iħossu waħdu.

Dun Mario Grech
Miguela Xuereb

Bil-mod pożittiv kif iħares lejn il-ħajja, u bl-ammont konsiderevoli ta’ xogħol li jagħmel, Newsbook Q&A jinsab ċert li Dun Mario se jwettaq xogħlu b’mod eċċellenti u b’vena ferrieħa.

Segwi l-intervista sħiħa: