Filmat: Mingħalih li kien se jqatta’ l-Milied waħdu, imma…

Żmien il-Milied huwa żmien fejn bosta jippruvaw jgħaddu messaġġi lill-pubbliku sabiex jiftakar f’dawk il-persuni li forsi mingħajr ma jrid ikun qed jabbanduna. Xi wħud mill-messaġġi jġegħluna nitbissmu, oħrajn inħalluna b’xi demgħa f’għajnejna u bi ħsibijiet iberrnu f’moħħna.

Brighter Image iddeċidew li fi żmien il-Milied jiddedikaw filmat sabiex ifakkar lil dawk kollha li għandhom ġenituri jew qraba tagħhom li se jaqsmu l-Milied waħedhom, sabiex iżuruhom u juruhom li hemm xi ħadd lest li jqatta’ l-ħin magħhom.

Il-messaġġ huwa propju wieħed li jinsisti li hemm bżonn nieħdu ħsieb lil min ħa ħsiebna u fil-festi ħadd ma jitħalla waħdu.

Fil-filmat ta’ kważi żewġ minuti, anzjan jidher jagħmel belà te, imbagħad jidher jaqta’ d-data tal-Milied minn fuq il-kalendarju. Viżibilment imnikket, ir-raġel ħaseb li kien se jqatta’ l-Milied waħdu, speċjalment wara li jidher li tilef lil martu.

Madanakollu b’sorpriża tinstema’ l-qanpiena ddoqq u hemm jara lil dawk li wisq probabbli huma uliedu u n-neputijiet. Fil-pront id-dar inbidlet f’waħda mimlija ferħ, ħareġ it-tiżjin tal-Milied, u poġġa madwar mejda sabiex flimkien ma qrabatu jqatta’ Milied ħieni.