Filmat: ‘Minbarra l-Caritas anke parroċċi organizzaw ikliet’

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi qal li l-ikla tal-Milied tal-Caritas Malta serviet bħala ispirazzjoni għal parroċċi biex joħolqu esperjenzi simili f’lokalitajiet differenti.

L-Isqof qal dan ma’ Newsbook.com.mt fejn spejga li ltaqa ma’ soru mis-Sorijiet ta’ Madre Tereża li qaltlu li ppreparaw ikla għal 30 persuna f’Bormla. Qal ukoll li f’Ħal Balzan se ssir ikla għal dawk li jkunu waħedhom jew li jeħtieġu l–kumpanija f’dawn iż-żminijiet tal-festi fl-Epifanija.

L-Isqof Awżiljarju qal ukoll li kellu l-opportunità li jkun preżenti fl-ikla tal-Caritas. Hemm tkellem mal-persuni preżenti u sema’ x’kienu s-sitwazzjonijiet li jinsabu fihom. Qal li hemm li huwa waħdu għax tilef lil xi ħadd għażiż, hemm min ikollu t-tfal imsefrin, u hemm min ikun waħdu għax ikun ġej minn barra minn Malta fost oħrajn. Fi kliem l-Isqof, in-numru ta’ nies li jkun hemm għall-ikla joħloq atmosfera li fiha dawk li jattendu ma jħossuhomx waħedom. Dan qalu waqt il-programm Ta’ Kulħadd bi preżentazzjoni ta’ Massimiliana De Martino fuq RTK103 FM.

L-Isqof qal li l-poplu huwa msejjaħ biex jiftakar fin-nies li jkunu fis-solitudni u biex wieħed jilqa’ lil dawn in-nies u jurihom esperjenza sabiħa. Żied jgħid li huwa tajjeb li dawn l-affarijiet isiru fi żmien il-Milied, però li huwa importanti li wieħed jiftakar f’dawn il-ġesti matul is-sena kollha.

Aktar minn 550 persuna attendew għall-ikla tal-Caritas Malta ġewwa l-Kurja tal-Arċisqof li ssir għal dawk il-persuni li kieku jqattgħu l-Milied waħedhom. Fost dawn kien hemm għadd ta’ tfal flimkien mal-carers u l-ġenituri tagħhom. Is-sena l-oħra 400 persuna ħadu sehem.