Filmati: Min spikka lbieraħ f’X Factor Malta?

It-tieni edizzjoni ta’ X Factor Malta bdiet ilbieraħ u bla dubju li bħala programm ġibed udjenza kbira.

Fl-ewwel programm spikkaw l-istejjer umani ta’ dawk li daħlu għat-tieni edizzjoni, iżda fuq kollox spikkaw il-vuċijiet.

Minn dak li nistgħu naraw minn fuq il-YouTube Channel uffiċjali ta’ dan il-programm, l-aktar li spikkat mill-edizzjoni tal-bieraħ kienet Justine Shorfid.

Iż-żagħżugħa ta’ 16-il sena kisbet l-approvazzjoni tal-erba’ membri tal-ġurija. Hija ssegwi din il-kompetizzjoni u s-sena l-oħra kienet fl-udjenza tagħti l-appoġġ tagħha. Il-filmat tal-audition diġà rawh aktar minn 3,200 darba.

Edward Abdilla għandu 30 sena. L-istorja tiegħu bla dubju li kienet kommoventi. Madanakollu l-wirja li ta waqt l-ewwel programm tal-bieraħ filgħaxija qajmet ħafna interess u diġà daħlu fuq il-filmat aktar minn elfejn darba!

Lisa Tabone rajniha s-sena l-oħra mal-grupp Clelis. Din is-sena qed narawha bħala solista. Il-wirja tagħha wkoll qed tiġbed l-interess tal-pubbliku u diġa rawh aktar minn 1,700 darba!

Il-clip ta’ Michelle Ellul, omm ta’ żewġt ulied ukoll jidher li qed iżid is-segwaċi b’ritmu mgħaġġel. Diġà qabeż il-1,500 darba li rawh fuq YouTube.

Cora Elizabeth Lewis għandha 20 sena u l-kant huwa għal qalbha ħafna. Tħobb ukoll tikteb il-kanzunetti tagħha. Hija wkoll għaddiet għall-fażi tal-Bootcamp tal-X Factor Malta. Il-filmat tagħha rawh diġà aktar minn 1,300 darba.