Filmat: “Min-niċċa tal-Madonna qassamt €30,000 lin-nies”

Mid-donazzjonijiet li waslulu fin-niċċa tal-Madonna ta’ Triq Reġjonali, John Lauria jikkalkula li qassam aktar minn €30,000 f’għajnuna lin-nies.
John ilu 25 sena jieħu ħsieb in-niċċa tal-Madonna li hemm fil-ġenb ta’ waħda mill-iktar toroq traffikużi f’Malta.
“Fil-proġett is-sewwieqa se jkollhom fejn jieqfu ħdejha b’mod sigur
John, li għandu 76 sena,  jispjega li bil-mixi ġieli jasal qabel il-karozzi ħdejn in-niċċa. Jgħid li l-proġett tal-flyover hu meħtieġ biex titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku fl-inħawi.
Irringrazzja lill-uffiċjali ta’ Transport Malta li wegħduh li n-niċċa se tkun inkluża fil-proġett u x-xufiera se jkollhom ukoll fejn jieqfu ħdejha b’mod sigur.
“Biżżejjed nara xufier irodd is-salib meta jgħaddi minn ħdejha”
John iżur il-Madonna darbtejn kuljum. Jitkellem b’għożża kbira dwar kemm iħossu seren meta jkun ħdejha u jgħaddi xi xufier u jarah irodd is-salib u jgħid talba żgħira. Jitlobha biex ix-xufiera kollha li jgħaddu minn quddiemha jaslu qawwijin u sħaħ fi djarhom fi tmiem il-ġurnata.
“Xemx u xita mhu se nabbandunaha qatt”
Bid-dmugħ f’għajnejh u emozzjonat, John jispjega li xemx u xita lil Madonna mhu se jabbandunaha qatt.
Jirrakkonta kif baqa’ dejjem devot tal-Madonna għax meta kellu 14-il sena ħelsitu minn ħalq il-mewt. Kien qed jgħum f’Ta’ Xbiex u sħabu ħarġu ‘l barra, meta għaddiet dgħajsa tan-Navy u l-mewġa tagħha għattietu u kien se jegħreq. Dak il-ħin qabad il-labtu tal-Madonna u beda jitlob. Intilef minn sensih u qalulu li kien hemm Ingliż li qabeż għalih u salvah.