​Filmat: “Min juża din il-kimika għandu jispiċċa l-ħabs”

Il-ko-ordinatur tal-Clean Food Movement jemmen li l-kunsilli lokali li għadhom jużaw l-erbiċida biex jeliminaw il-ħaxix ħażin, għandhom jispiċċaw il-ħabs.
John Portelli jispjega ma’ Newsbook.com.mt li mat-22 kunsill lokali għadhom jużaw l-erbiċida li fiha l-glyphosate, il-kimika li l-Parlament Ewropew ivvota biex ma tintużax qrib ġonna u fejn jilgħabu t-tfal u l-Gvern Malti kien qabel mad-deċiżjoni.
L-Aġenzija tar-Riċerka dwar il-Kanċer fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa kienet qalet li din il-kimika “probabbilment twassal għall-kanċer fil-bniedem.”
Jispjega li l-kimika tagħmel ħsara lill-ambjent u lill-bniedem u li fit-testijiet li jsiru dejjem instabu traċċi tal-kimiċi fil-prodotti agrikoli lokali.
Jistaqsi kemm fil-fatt min juża din l-erbiċida qed isegwi l-istruzzjonijiet mal-prodott li jgħidu li “għandhom jitqiegħdu sinjali adattati biex ħadd ma jidħol fiż-żona trattata f’inqas minn 24 siegħa wara t-trattament, mingħajr ilbies protettiv.”
80% tal-problemi fl-isptarijiet marbuta mal-ikel
John Portelli jispjega li terz tal-baġit tal-gvern imur biex ifejjaq il-persuni li jimirdu l-iktar b’mard ġej mill-ikel.  Jgħid li 80% tal-problemi fl-isptarijiet huma marbuta mal-ikel.
Jappella biex kulħadd inaqqas il-prodotti proċessati mid-dieta u b’hekk persuna tara titjib fil-kwalità tal-ħajja u jkollha inqas mard.
Ifakkar li fl-istess waqt, ma tistax teskludi affarijiet oħra li jaffetwaw is-saħħa, fosthom il-bexx użat fuq l-ikel, il-prodotti użati fid-dar biex jinqatlu l-insetti u t-tniġġiż tal-arja.
Iħeġġeġ lin-nies ifittxu prodotti ċertifikati li huma bijoloġiċi, jiġifieri dawk imkabbra mingħajr fertilizzanti sintetiċi.
Jiġbed l-attenzjoni wkoll biex fil-programmi tat-tisjir jintużaw prodotti ġenwini u mhux prodotti proċessati.
Filmat: Ian Noel Pace