Filmat: “Min ipatti għal għemilu l-ħabs, m’għandux jibqa’ jpatti la joħroġ”

Persuna li spiċċat tiskonta sentenza ħabs wara li nstabet ħatja ta’ kriminalità m’għandhiex għalfejn tibqa’ tpatti għal għemilha meta toħroġ mill-ħabs. Dan qalu l-Professur Andrew Azzopardi, id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà f’intervista ma’ Newsbook.com.mt wara l-mewt ta’ priġunier fil-ħabs is-Sibt li għadda.

Sentenza ta’ ħabs tfisser perjodu fejn wieħed jirrijabilità ruħu biex wara jkun jista’ joħroġ lura fis-soċjetà u jgħix ħajja aħjar mingħajr ma jerġa’ jikser il-liġi. Prof. Azzopardi rrimarka li l-perjodu tar-rijabilitazzjoni jiddependi fuq diversi fatturi. Qal li s-soċjetà trid tgħid li jekk xi ħadd jirrijabilità ruħu mela lesta li tilqgħu lura fi ħdanha. Sostna li l-ħabs irid li jipprovdi u jara li jkollu r-riżorsi biex jipprovdi t-tagħlim f’dan il-perjodu. Intant, il-priġunier irid ikun lest li jirrijabilità ruħu.

“Għaliex bniedem li għamel il-ħażin u patta għalih fil-ħabs, joħroġ minn hemm u jibqa’ jpatti għalih għax meta japplika għal xogħol u jrid juri l-kondotta jispiċċa jidher dejjem bħala ħażin?” staqsa Prof. Azzopardi. Kompla jgħid: “Mela bniedem għamel l-iżball, ħallas għalih, għamel is-sentenza tiegħu, forsi anke kellu privileġġ jagħmel taħriġ – joħroġ minn hemm u qed ngħidulu ‘mur l hemm ma rridux nafu bik u dak li ppruvajt tirranġa inti ma rridux nafu bih’.”

Hu sostna li jekk xi ħadd spiċċa jiskonta sentenza wara li tajjar lil xi ħadd u fil-kondotta tindikalu li ma jistax isuq vannijiet u ma jistax ikun xufier tal-linja mod, imma dan m’hemmx raġuni għaliex m’għandux ikun impjegat bħala stacker jew salesperson. Qal li ħafna drabi, ikun hemm ħafna minn dawn il-persuni li jispiċċaw jissieltu biex isibu xogħol wara li joħorġu mill-ħabs għax il-kondotta tagħhom tibqa’ mċappsa.