Filmat: Min huma l-aktar 3 favoriti tal-Ħadd li għadda?

It-tielet live show tal-kompetizzjoni X Factor Malta kien wieħed mill-aktar spettakolari u bla dubju kienet edizzjoni fejn it-tmien parteċipanti taw wirjiet mill-aqwa. Ovvjament punt partikolari tal-programm huma l-eliminazzjonijiet, tnejn kull darba fejn il-Ħadd li għadda assistejna għat-tluq mill-kompetizzjoni ta’ Celine Agius u Karl Schembri.

Iżda issa, sakemm nistennew ir-raba’ live show tal-Ħadd 2 ta’ Frar, fuq il-You Tube hemm il-filmati kollha tal-prestazzjonijiet li twasslu l-Ħadd li għadda.

L-aktar li qed tiġbed attenzjoni hija l-wirja ta’ Destiny Chukunyere li mill-film The Lion King interpretat is-silta He Lives In You. Il-filmat fuq You Tube rawh aktar minn 24,300 darba!

Imbagħad insibu l-grupp F.A.I.T.H (Five in the House), grupp li ġie ffurmat apposta għal din il-kompetizzjoni. Il-Ħadd li għadda huma wasslu l-verżjoni tagħhom ta’ Man in the Mirror ta’ Michael Jackson, prestazzjoni li biha spiċċaw ukoll inklużi fuq l-X Factor Global.

Din il-wirja rawha s’issa aktar minn 20,400 darba.

It-tielet wirja l-aktar segwita fuq You Tube mbagħad hi dik ta’ Justine Shorfid. Hija interpretat I Will Always Love You ta’ Whitney Houston mill-film The Bodyguard. Din il-prestazzjoni li wkoll qalgħet ħafna tifħir minn nhar il-Ħadd ’l hawn daħluha jarawha aktar minn 16,000 darba!

Il-biljetti għal nhar il-Ħadd 2 ta’ Frar huma sold out. Però għaddejja wkoll kompetizzjoni fuq il-paġna Facebook ta’ Newsbook Lifestyle u bħala premju hemm żewġ biljetti. Faċli beix wieħed jieħu sehem, u dan billi jidħol fil-paġna Newsbook Lifestyle, jagħfas “like” tal-paġna u jsegwi l-istruzzjonijiet. Nhar il-Ġimgħa f’nofsinhar jitħabbar ir-rebbieħ.

Intant il-biljetti għall-finali ta’ X Factor Malta tas-Sibt 8 ta’ Frar jinsabu għall-bejgħ u wieħed jista’ jakkwistahom permezz tas-sit showshappening.com