Filmat: Min hu sinjur jgħidli ma ngergirx u ma nħallatx ħaġa m’oħra

Il-Ħass u l-Basal - Kemmuna Airways

Ħsieb u silta zgħira mill-kanzunetta finalista ta' L-Għanja tal-Poplu 2020 IL-ĦASS U L-BASAL - Kemmuna Airways (Rita Pace Singer and Songwriter)

Posted by L-Għanja Tal-Poplu on Friday, August 21, 2020

Nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Settembru se tittella’ l-44 edizzjoni tal-festival L-Għanja tal-Poplu f’xandira diretta fuq TVM.  Il-mistieden speċjali ta’ dan il-festival se jkun Philip Vella li rebaħ il-festival tas-sena li għaddiet. Il-preżentaturi tal-festival huma l-aħwa Dorothy u Gianluca Bezzina.

Kuljum f’dan l-ispazju se ssibu tagħrif fuq kull kanzunetta parteċipanta.

Kanzunetta: Il-Ħass u l-Basal

Kantanta: Kemmuna Airways

Kliem u mużika: Rita Pace

Ix-xemx tikwi, u nħossni miexi ġo deżert ta’ ċapep bojod ta’ bini għoli. Inħoss ċerta oppressjoni u għejja kontinwa. Kuljum nibla’ l-mediċini kontra s-sogħla u d-dwejjaq. Imma min hu sinjur jgħidli ma ngergirx u ma nħallatx ħaġa m’oħra. Għandna minn kollox u hawn il-flus. Mhux ġo buti imma hawn il-flus, imma forsi qed inkun negattiv wisq. Jew għax kuntent hu, kuntent kulħadd.

Joe Demicoli u Augusto Cardinali – Kemmuna Airways. Ritratt: Joseph Agius Attard

Aktar milli bħala kantant, Augusto Cardinali hu magħruf bħala artist komplut. Ipinġi, idoqq u jikkomponi, jirreċta u jidderieġi, jikteb poeżiji, proża, drammi u kliem ta’ kanzunetti varji. Magħruf ukoll bħala preżentatur u komiku fuq programmi televiżivi u tar-radju. Augusto huwa wkoll arranġatur mużikali u jmexxi r-recording studio tiegħu personali. Ħadem ma’ bosta artisti kbar u xi diski tiegħu għamlu suċċess, bħal You li jkanta Janvil u Tereża li jkanta hu stess. Kien parti mid-duo Kemmuna Airways flimkien ma’ Joe Demicoli. Augusto hu għalliem tad-drama fl-iskejjel tal-Gvern. Miżżewweġ lil Doreen u missier ta’ żewġt itfal, Anthea u Michele.

Joe Demicoli twieled fl-1963 u hu minn Ħal Għaxaq. Kien jifforma parti minn diversi beat/rock groups. Ħa sehem erba’ darbiet f’L-Għanja tal-Poplu. Fl-1998 kiteb l-album Kemmuna Airways u ħareg madwar għaxar cds bil-Malti. Ħa sehem f’żewġ films għaċ-ċinema lokali u pproduċa  erba’ programmi televiżivi. Mar jallegra l-Maltin fl-Awstralja u l-Kanada diversi drabi. Joe ilu għaddej bi programm dwar kanzunetti Maltin għal għoxrin sena fuq One Radio. Jaħdem ukoll bħala entertainer fid-djar tal-anzjani.

L-44 edizzjoni tal-festival hi organizzata mill-għaqda volontarja L-Għanja tal-Poplu bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Valletta Cultural Agency. L-Għanja tal-Poplu 2020 qed jittella’ b’differenza biex nimxu mal-istruzzjonijiet maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.