Filmat: Min hu Pawlu l-Babaw?

Nhar is-Sibt 25 t’Awwissu għall-ħabta tas-1.00pm ittella’ filmat fuq Facebook b’vidjo ta’ raġel ‘ikanta’ O Sole Mio quddiem il-binja tal-Parlament. Dan ir-raġel kien xwejjaħ, maħmuġ, b’ilbies imqatta’ u bi xkora wara dahru.

Fil-vidjo tidher ir-reazzjoni, taħlita ta’ biża’ u skantament, ta’ grupp ta’ studenti barranin quddiem din ix-xena.

Ir-reazzjoni tal-pubbliku għal dan il-vidjo kienet varjata: kien hemm min staqsa min hu, min tkaża b’min tella’ l-filmat mingħajr permess, min spekula li seta’ kien perikoluż u għamel ħsara lilu nnifsu u lil ħaddieħor, min staqsa x’kien fiha l-ixkora li jġorr fuq spallejh, min ikkummenta fuq l-ilbies fqir li kellu u dwar l-istat mentali tiegħu.

Li ma kinux jafu hija li x-xwejjaħ tal-vidjo ma hu ħadd ħlief Zep Camilleri, attur u direttur ċelebri Malti, li bl-għajnuna tal-irtukkatriċi Jackie Mercieca ttrasforma ruħu f’Pawlu l-Babaw: karattru fittizju, iżda bbażat fuq il-verità, li dwaru tittratta l-kanzunetta interpretata minn Neville Refalo fl-Għanja tal-Poplu li se tittella’ nhar is-Sibt l-1 ta’ Settembru fi Pjazza Teatru Rjal.

Neville, flimkien mat-tim tiegħu, għamlu dan l-esperiment soċjali sabiex jeżaminaw il-mod kif il-poplu Malti jirreaġixxi u jittratta persuni differenti u misterjużi.

Il-kanzunetta hija miktuba minn Corazón Mizzi u Neville Refalo u interpretata minn Neville Refalo, fuq arranġament ta’ Aurelio Belli. Il-preżentazzjoni artistika tal-kanzunetta qed tittella’ minn Anthony M. Baldacchino.