Filmat: Mill-kitarra ta’ Santana sal-eqdem kitarrin f’Malta

Mill-għexieren ta’ kitarri li għandhom, Charlie u missieru Feliċ jistgħu jgħidu li fil-garaxx tagħhom hemm l-eqdem kitarra li nstabet sa issa f’Malta.

Mixtrija mingħand mara li riedet ittiha lill-furnar biex jaħraqha, fil-forn, Feliċ Busuttil ilu għal dawn l-aħħar xhur jipprova jirrestawra din il-kitarra ż-żgħira biex iġibha fl-istat oriġinali tagħha.

Skont ibnu Charlie, li ilu għal dawn l-aħħar 21 sena jsewwi l-maġġoranza tal-kitarri tal-mużiċisti Maltin, jgħid li din il-kitarrin għandha kważi 200 sena u tiftakar lill-Kavallieri ta’ San Ġwann jitilqu minn Malta.

Ftit iktar minn sena ilu, Charlie kkuntattjah Malti li jgħix fi New York u jitolbu biex jagħmillu kopja ta’ din il-kitarrin sabiex itiha bħala rigal lil xi persuna prominenti.

Wara li rrestawra l-kitarrin oriġinali, Feliċ beda jaħdem biex joħloq għodda ġdida biex ikun jista’ jieħu l-forma tal-kitarrin. Wara iktar minn xahar, ix-xogħol fuq il-kitarrin il-ġdid kważi wasal fi tmiemu u fil-bidu ta’ Ottubru se jkun diġà fi triqtu lejn l-Istati Uniti.

Tul l-aħħar snin, Charlie kellu l-opportunità jsellef l-għexieren ta’ kitarri tiegħu lil diversi mużiċisti famużi li ġew Malta għal kunċert.  Fost dawn hemm: Carlos Santana, Zucchero, Claudio Baglioni, Roger Waters, Tom Jones, Ronan Keating u ħafna oħrajn.