Filmat: Mill-Irlanda għal Malta biex issalva l-ħajjiet

Ilbieraħ il-bastiment navali Aoifé ħalla Cork fl-Irlanda biex jingħaqad mal-bastimenti l-oħra tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Servizz fuq l-istazzjon Irlandiz RTENews, ġab il-mumenti li fih il-bandiera Maltija telgħet tperper fuq il-bastiment u anke t-taħriġ li suldati Maltin kellhom fl-aħħar ġimgħat fuq il-bastiment.
F’intervista, il-Maġġur James Grixti qal li l-P62, kif se tkun imsejħa, se tkun l-akbar patrol boat tal-Forzi Armati ta’ Malta u r-rwol tagħha se tkun li tbaħħar u ssalva l-ħajjiet tal-immigranti.
Il-bastiment kien mibni 35 sena ilu u l-istruttura tagħha hija tajba biex tbaħħar f’baħħar qawwi. Il-patrol boat hija twila 65.2 u tiżen madwar 1019.5 tunellata.
Il-P62 mistennija tasal Malta fi żmien ġimgħa biex tibda paġna ġdida fl-istorja tagħha.