Aġġornata (2): Il-Papa jikkundanna l-attakk fil-knisja fl-Eġittu

Il-Papa Franġisku kkundanna l-isplużjoni li seħħet aktar kmieni fl-Eġittu llum.
Dan wara li mill-inqas 20 persuna mietu fi splużjoni f’knisja fl-Eġittu.
Rapporti internazzjonali qalu li l-isplużjoni seħħet fil-knisja Kopta ta’ San Ġorġ fil-belt ta’ Tanta, fit-Tramuntana tal-Kajr waqt li l-Insara tal-lokal kienu qed jiċċelebraw Ħadd il-Palm.
Madwar 60 persuna sfaw midruba.
Waqt iċ-ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Palm fil-Vatikan il-Papa talab għall-vittmi tal-attakk u għall-konverżjoni tan-nies li jipproduċu u jitraffikaw l-armi.
Filwaqt li esprima l-kondoljanzi tiegħu mal-poplu Eġizzjan u mal-kap tal-Knisja Kopta fl-Eġittu, li se jiltaqa’ miegħu ġimgħatejn oħra.
L-attakk seħħ 20 jum biss qabel iż-żjara tal-Papa Franġisku fl-Eġittu.
Fuq il-midja soċjali qed idur filmat li juri l-mument li fih seħħet l-isplużjoni.
Għalkemm bl-isplużjoni intilef il-kollegament bl-istampa, fil-filmat baqa' jinstema' l-paniku tan-nies li kienu fil-knisja fil-ħin tal-isplużjoni.
“Attakki inumani, faħxija u krudili” – Ahmadiyya
Il-Komunità Musulmana Maltija, Ahmadiyya, ikkundannat iż-żewġ attakki li seħħew fuq il-Knejjes Kristjani fl-Eġittu.
Qalet li dawn huma attakki “inumani, faħxija u krudili.” Talbet ukoll li l-Istat jipprovdi l-protezzjoni kollha u sigurtà liċ-ċittadini li qed jgħixu fil-pajjiż, irrispettivament tal-kulur, razza, politika u reliġjon tal-persuni, u b’mod partikolari l-protezzjoni tal-minoritajiet.
Ahmadiyya waslet ukoll il-kondoljanzi tagħha lill-familji u l-qraba tal-vittmi kollha ta’ dawn l-attakki f’dan il-mument diffiċli u titlob għas-saħħa u fejqan ta’ dawk li weġġgħu fl-attakki.
"Attakk terroristiku mistmerr li qatel l-innoċenti" – el-Tayeb
Anke x-Xejk il-Kbir Ahmed el-Tayeb, il-Kap ta' Al-Azhar meqjusa bħala l-ikbar ċentru tat-tagħlim tas-Sunni, ikkundanna l-attakk u sejjaħlu "attakk terroristiku mistmerr li qatel l-innoċenti."