Filmat: “Mill-ewwel innamrajt mal-karattru tal-Ispettur” – Mario Micallef

L-Ispettur Bonnici

L-Ispettur Bonnici -episode 1 - From the 28th September 2020 on PBS/TVM. Written & Directed by Mario Philip Azzopardi

Posted by Spettur _ Spettur Bonnici on Thursday, August 27, 2020

Mit-Tnejn 28 ta’ Settembru fuq TVM se tibda tixxandar is-sensiela ġdida L-Ispettur ta’ Mario Philip Azzopardi. Din il-produzzjoni ttellgħet b’suċċess fi tlett drammi separati fit-Teatru Manoel u nħarġet ukoll fi ktieb. Issa tasal ukoll fuq it-televiżjoni b’cast ta’ 64 attur Malti li jinkludu lil Mario Micallef, Monica Attard, Renato Dimech, Geordie Schembri, Lara Azzopardi, Vince Micallef Pule, Marvic Cordina, Narcy Calamatta, Frida Cauchi, Claudia Mizzi, Jurgen Ciantar, Fabrizio Fenech, Ray Abdilla, Ramona Mamo DeGiovanni, Maria Laura Fenech, Charles Sammut, Marcelline Galea, Jamie Cardona, Dominic Aquilina u Clint Chircop, fost ħafna oħrajn

Mario Micallef irrakkonta li jiftakar li kien qiegħed jieħu kafè fil-Belt ma’ Mario Philip Azzopardi li kien qallu li kellu ħsieb li jikteb dram biex isisr fit-Teatru Manoel u li għall-parti ewlenija tal-ispettur kien qed jara lil Mario fiha.

“Qalli li kien diġa’ kiteb xi noti bħala plot, u qalli fuq fuq x’għandu f’moħħu bħala plot. Milli qalli deher interessanti mill-ewwel u weġibtu li iva, jinteressani u tlabtu li kif ikollu imqar l-ewwel att lest, jgħaddihuli ħa narah.,” stqarr Mario Micallef li żied jgħid li wara ftit ġimgħat li hu u Mario Azzoaprdi tkellmu, irċieva l-ewwel att.

Jurgen Ciantar u Mario Micallef f’xena minn L-Ispettur

“Qrajtu u tassew interessani u mill-ewwel innamrajt mal-karattru tal-‘Ispettur’. Filgħaxija kont ċempiltlu u għidtlu li jista jgħoddni bħala l-‘Ispettur’. Dan huwa karattru nteressanti, kontroversali u fl-istess ħin reali, u li nistgħaw nassoċċjawħ max-xogħol xejn ħafif li uffiċċjal tal-ordni jintlaqa miegħu kuljum, u sinċerament ħassejt li dan huwa karattru li  joffri sfida għalija, għax hu karattru versatili. Il-ħsieb ta’ Mario Philip kien li jagħmel dramm wieħed, imma tant kien suċċess li ddeċieda li l-istorja għandha tkompli, u għalhekk spiċċa biex  għamel żewġ drammi oħra, triloġija,” kompla jispjega Mario Micallef

Wara l-ewwel rappreżentazzjoni tal-ewwel dramm, l-udjenza laqgħatu tassew tajjeb. Kif spiċċaw, Mario Philip mar fid-dressing room ta’ Micallef biex jifraħlu, u ħadu grokk flimkien. Dak il-ħin Micallef  qallu li d-dramm għandu potenzjal qawwi li jagħmluh fuq it-televiżjoni.

“Mario ma tantx deher entużjażmat b’idea għax qalli li l-ħsieb tiegħu kien li jagħmlu għal palk biss. U dak inhar l-istorja waqfet hemm. Biss, meta għamilna it-tieni u t-tielet dramm, bqajt ngħidlu biha din l-idea tat-televiżjoni. Meta Mario ra s-suċċess li ntlaħaq dan ix-xogħol fuq il-palk, imbgħad aċċetta. Talabni nagħmel appuntament il-PBS. U dan kien il-punt tat-tluq li l-Ispettur spiċċa fuq it-televiżjoni,” kompla jispjega Mario Micallef.

Wara s-suċċess fit-teatru, il-ġrajja tal-Ispettur Bonnici spiċċat ukoll publikata fi ktieb.

“Dwar il-ktieb ukoll, kienet idea tiegħi. Niftakar li fl-aħħar dramm li għamilna l-Manoel tal-Ispettur Bonnici, f’waħda mir-rehearsals, ħadt miegħi il-photo rumanz li konna għadna kif ħriġna tar-rumanz tal-Prof. Oliver Friggieri, ‘’It-Tfal Jiġu bil-Vapuri’’, u għidt lil Mario Philip, li l-Ispettur imissna noħorġuħ ukoll bħala ktieb. Mario interessa ruħu mill-ewwel. Għamiltlu appuntament ma’ Joseph Mizzi, tal-Klabb Kotba Maltin. Joseph interessa ruħu u aċċetta mill-ewwel li jippubblika l-‘Ispettur Bonnici’ bħala ktieb,” qalilna Mario.

Iżda xi sfidi kien hemm għal Mario Micallef biex bħala attur ta’ karattru li kien maħluq għat-teatru, issa jinterpretah fuq it-televiżjoni?

Sinċerament ma kelli l-ebda problema biex l-‘Ispettur’ ninterpretaħ ukoll fuq it-televiżjoni. Naturalment trid taddatta ruħek, għax l-acting televiżiv huwa xi ftit differenti minn dak tal-palk. Ir-reazzjonijiet tiegħek iridu jkunu aktar imrażżna, ikkontrollati u ddixiplinati għat-televiżjoni. Biss ukoll, sibt għajnuna kbira minn Mario Philip, bniedem professjonali b’esperjenza kbira kemm fil-films, kif ukoll f’xogħlijiet televiżivi. Nistqarr li l-atturi kollha ħadna gost naħdmu ma direttur professjonali bħal Mario li jaf x’irid joħroġ minn dan il-prodott,” wieġeb Mario Micallef.

B’differenza ta’ ħafna sensiliet oħra, L-Ispettur se tkun maqsuma f’10 puntati biss. X’se jkun imiss wara?

Hemm il-ħsieb ta’ teleserial ieħor miktub minn Mario Philip ukoll. Jekk il-ħsieb iseħħ, sa jkun ukoll teleserial nteressanti,” stqarr Mario Micallef.

“Dwar it-teatru, sfortunatament għalissa mhux sa jkun possibbli li l-istaġun jiftaħ f’Ottubru minħabba l-Covid-19. Jalla din il-problema, bil-kollaborazzjoni ta’ kulħadd, jirnexxielna negħlbuha malajr kemm jista’ jkun, għax ngħid għalija, it-teatru nimmissjaħ ħafna. Kif ġieli għidt: It-teatru huwa t-tieni dar tiegħi,” temm jgħidilna Mario Micallef.

L-Ispettur jixxandar mit-Tnejn 28 ta’ Settembru fl-8.50pm fuq TVM.