Filmat: Miljun Ewro għall-maratona tal-Community Chest Fund

Read in English.

Ilbieraħ ġiet organizzata l-maratona ġbir ta’ fondi għall-Malta Community Chest Fund. Fi 12-il siegħa ta’ xandir, l-organizzaturi ġabru aktar minn miljun Ewro għal dawk fil-bżonn. Il-maratona bl-isem “Għinuna Ngħinukom” bdiet f’12pm u ċ-ċifra finali telgħet għal €1,010,985.

Tul il-maratona, il-President George Vella u martu wieġbu t-telefowns bid-donazzjonijiet, flimkien ma’ għadd ta’ personalitajiet oħra, sabiex jiġbru l-flus għal dawk li għandhom problemi ta’ mard jew problemi soċjali oħra.

Il-maratona ttellgħet mill-istudjows tal-Where’s Everybody u xxandret fuq l-istazzjonijiet televiżivi Maltin biex tagħmel tajjeb għat-tnaqqis fid-donazzjonijiet minħabba l-imxija tal-COVID-19.

Il-maratona saret il-Ħadd 20 ta’ Settembru
Il-Malta Community Chest Fund b’maratona ta’ ġbir ta’ fondi

Kaġun tar-restrizzjonijiet li ddaħħlu biex jiġi kkontrollat it-tixrid tal-virus, tħassru għadd ta’ avvenimenti b’għan filantropiku, inklużi wħud ta’ skala kbira bħar-Rockestra u l-Fun Run.

Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-President qal li barra minn dan, “xi imprendituri li kienu fuq quddiem bid-donazzjonijiet tagħhom, għaddejjin minn żmien diffiċli u jistgħu jaffordjaw biss donazzjonijiet iċken, jew saħansitra xejn”.

Fi tmiem ix-xandira tal-ġbir ta’ fondi, il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Vella rringrazzjaw lill-poplu Malti għall-qalb kbira li għandu u lit-tim kollu li għamel din ix-xandira possibbli fi żmien tant qasir. 

Il-linji tat-telefown se jibqgħu miftuħa u għalhekk tista’ tagħmel donazzjoni billi ċċempel:

  • 5100 2020 – €20
  • 5190 2030 – €50
  • 5130 2000 – €100
  • 2126 2626 – Pledge
  • 5061 9201 (SMS) – €11.65
  • 7935 9565 – BOV Mobile Pay

Irċivejt għajnuna mill-Community Chest Fund?
Ibgħatilna l-esperjenza tiegħek fuq info@newsbook.com.mt