Filmat: Mil-lum tistgħu tivvutaw għall-kanzunetta ta’ Malta

Qed joqrob il-jum tal-finali tas-17-il edizzjoni tal-Junior Eurovision Song Contest. Malta hija rappreżentata minn Eliana Gomez Blanco bil-kanzunetta We Are More. Din se tkun interpretata fit-tmien pożizzjoni tal-finali li se ssir fil-Polonja nhar il-Ħadd 24 ta’ Novembru mill-4pm ‘il quddiem.

L-ewwel fażi tal-votazzjoni se tibda llum u tibqa’ għaddejja sal-Ħadd li ġej sa’ minuta qabel ma tibda l-finali tal-konkors.

Aħna l-Maltin se nkunu nistgħu nivvutaw għal kanzunetta ta’ Malta permezz tas-sit junioreurovision.tv

Il-votazzjoni se tiftaħ fit-8pm u biex jgħodd il-vot kull min se jipparteċipa apparti l-vot lill-kanzunetta ta’ pajjiżu jrid jivvota mill-inqas għal żewġ pajjiżi oħra jew inkella massimu ta’ ħames pajjiżi.

Biex ngħinukom f’din il-paġna (fuq) issibu filmat li jispjegalkom aħjar kif tivvutaw filwaqt li hawn taħt tistgħu taraw silta minn kull kanzunetta.

Il-vot tal-pubbliku jgħodd daqs 50% tal-voti u l-50% l-oħra se jkunu f’idejn il-ġurija.

We Are More hi miktuba minn Rachel Suter, Jonas Thander, Joe Julian Farrugia u Kevin Lee b’kompożizzjoni ta’ Jonas Thander u Rachel Suter.

Il-finali tal-Junior Eurovision Song Contest se jixxandar dirett fuq TVM nhar il-Ħadd fl-4pm.