Filmat: Mijiet imorru l-baħar minkejja t-theddida tat-tieni mewġa

Mijiet ta’ persuni llum marru l-baħar minkejja li esperti qed jgħidu li d-dinja għadha qed taffaċċja t-theddida li tintlaqat mill-hekk imsejħa “tieni mewġa” tal-coronavirus.

Filmat u ritratti li rċieva Newsbook.com.mt juri għadd ta’ persuni f’diversi bajjiet madwar Malta u Għawdex. Dawn ittieħdu llum.

Il-miżura li ma jistax ikun hemm gruppi ta’ aktar minn erba’ persuni fil-pubbliku għadha fis-seħħ. Illum il-Gvern qal li 71 persuna ngħataw multa minħabba l-ksur ta’ din ir-regola.

Għawdxin iħossuhom priġunieri f’darhom

Għawdxin li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li qatt ma ħassewhom priġunieri f’darhom daqs din it-tmiem il-ġimgħa. Irrimarkaw li t-traffiku fir-Rabat kien pjuttost qawwi llum. Filwaqt li jifhmu li l-Maltin huma l-uniċi turistiċi li jista’ jkollu Għawdex f’dan iż-żmien meta l-fruntieri huma kollha magħluqin, saħqu li l-influss ta’ Maltin fil-gżira ta’ Għawdex jista’ jkun perikoluż minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Kien hemm min ikummenta li hemm Għawdxin residenti Malta li mhux qed jaqsmu l-fliegu biex iżuru l-qraba tagħhom, sabiex ma jkunux ta’ periklu għalihom. Uħud ilhom ma jagħmlu dan minn Frar.

Tal-farmhouses iridu l-Maltin għall-kummerċ għas-sajf

Sidien ta’ farmhouses qalu ma’ Newsbook.com.mt li għalkemm dan is-sajf bil-Maltin biss se jkollhom jagħmlu kummerċ, jixtiequ li jkun hemm iktar kontroll biex is-sitwazzjoni tal-COVID-19 tkun ikkontrollata.

Persuni li kienu fin-Naħa ta’ Fuq ta’ Malta dalgħodu qalu lil din il-kamra tal-aħbarijiet li t-traffiku li kien hemm fit-toroq kien qisu l-eqqel tas-sajf.

Webcam fl-Imġarr Għawdex kienet qed turi kju twil ta’ karozzi għall-Gozo Channel il-Ħadd filgħaxija.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika u diversi esperti tkellmu regolarment dwar il-periklu li jiġi jekk ikun hawn it-tieni mewġa ta’ coronavirus. Illum il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-mewġ qiegħed għall-baħar fejn in-nies jistgħu jmorru biex igawduh.

Is-sit Politico qal li diversi esperti jemmnu li t-tnaqqis ta’ lockdowns u l-ftuħ tal-ivjaġġar internazzjonali jaf jiskattaw il-mewġa li jmiss.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn