Filmat: “Mietu fil-ħabs u ma nafux x’ġara” – il-Prof. Azzopardi

Id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, il-Professur Andrew Azzopardi qajjem għadd ta’ mistoqsijiet dwar l-imwiet fil-ħabs. Huwa stqarr li dawn mietu u nbdew ħafna inkjesti iżda għadu mhux magħruf x’wassal għal dan l-imwiet.

Qal li mhux qed jallega li qed jinqatlu n-nies fil-ħabs iżda ħeġġeġ biex isir magħruf x’mhux qed isir biex dawn l-imwiet jiġu evitati.

Intervistat minn Nicole Borg fil-ġurnata li nstab id-disa’ persuna mejta fil-ħabs f’temp ta’ sentejn u nofs, il-Professur Azzopardi qal li “qed jgħidu li mewta naturali imma fl-istess ħin tinħatar inkjesta”. Qal li tista’ tkun kontradizzjoni u staqsa għalfejn ħa ssir inkjesta u mhux awtopsja u tieqaf hemm.

Min-naħa l-oħra huwa spjega li l-ħatra ta’ inkjesta jista’ jkun li seħħet minħabba li l-vittma miet f’istituzzjoni bħalma huwa l-ħabs. Staqsa jekk hemmx protokolli bħal dawn u appela biex dawn ikunu pubbliċi peress li l-istituzzjoni hija aġenzija tal-Gvern.

Il-mistoqsijiet li għandhom jiġu mwieġba

Il-pubbliku għandu jkun jaf li persuna li miet taħt il-ħarsien ta’ istituzzjoni jkun jaf il-mod kif miet.

Qal li minkejja li hemm għadd ta’ inkjesti pendenti fil-ħabs, jeħtieġ li nkunu nafu l-eżitu tagħhom. Spjega li f’dawn iċ-ċirkostanzi jkunu l-familjari tal-vittma li jista’ jitlob għall-konklużjonijiet tal-inkjesta iżda l-Professur Azzopardi nsista li l-pubbliku wkoll għandu jkun jaf. Huwa qal “minn dawn l-inkjesti kollha li qed isiru hemm bżonn inkunu nafu l-eżitu”.

Il-Professur Azzopardi elenka għadd ta’ mistoqsijiet li jridu jiġu mwieġba mill-Qorti fosthom jekk il-vittma kien fiċ-ċella, jekk kienx qed jiġi monitorat u jekk talabx għall-għajnuna f’xi ħin.

Qal li huwa rari ħafna li persuna jaqa’ u jmut sobtu u għalhekk staqsa jekk kienx hemm għajnuna medika inkluż tabib li seta’ jintervjeni mal-ewwel.

Il-Professur Andrew Azzopardi se jkun qed imexxi l-programm Andrew Azzopardi on 103 fuq 103 Malta’s Heart kull nhar ta’ Sibt bejn l-10am u 12pm.

Xi żvela Newsbook.com.mt?
2 attentati ta’ suwiċidju fil-ħabs