Filmat: Michela tkanta “Inti Djamant” f’Tel Aviv

Ritratt: Thomas Hanses

Ġurnata impenjattiva għall-kantanta Għawdxija ta’ 18-il sena Michela Pace li dalgħodu għamlet l-ewwel prova tagħha fuq il-palk ta’ Tel Aviv fl-Iżrael għall-Eurovision Song Contest.

Michela se tkun qed tipparteċipa fis-semi finali tal-Ħamis 16 ta’ Mejju.

Wara l-wirja li tat, aktar tard matul il-ġurnata, Michela, akkumpanjata mit-tim tagħha u parti mid-delegazzjoni Maltija, indirizzat il-konferenza stampa li kull pajjiż ikollu wara kull wirja.

Michela u t-tim tagħha irrispondew għal diversi mistoqsijiet li sarulhom mill-ġurnalisti preżenti.

Fost oħrajn, Michela tkellmet dwar kif aktar tard se tkun qed taħdem fuq album tagħha. Fost il-ħafna mistoqsijiet oħra kien hemm dawk b’rabta mal-parteċipazzjoni tagħha f’ X Factor, dwar il-pariri li tatha Ira Losco, kif ukoll dwar Għawdex.

Ma naqsux it-talbiet biex Michela tkanta spontanjament, bl-ewwel waħda tkun A Total Eclipse of the Heart, li biha ħadet sehem ukoll fl-auditions ta’ X Factor Malta.

Iżda l-aktar mument li spikka u li ntlaqa’ tajjeb kien meta lejn l-aħħar tal-konferenza stampa, ġiet mitlub tkanta kanzunetta bil-lingwa tagħha u Michela kantant ftit mill-kanzunetta sinonima ma’ Għawdex, Inti Djamant.

U jekk tridu ġġeddu ftit memorja, hawn Michela tkanta “Inti Djamant” waqt X Factor Malta: