Filmat: Mhux xogħol il-bniedem li jissepara t-tajbin mill-ħżiena – l-Isqof Grech

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li mhux kompitu tal-bniedem li jissepara n-nagħaġ mill-gidien,  jew it-tajbin mill-ħżiena.

Dan qalu fl-omelija tiegħu fit-13-il anniversarju episkopali tiegħu fil-Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb fil-Victoria fit-22 ta’ Jannar.

Skont Mons. Grech, fil-komunitajiet hemm it-tendenza li jinfirdu t-tajbin mill-ħżiena. Saħaq li meta wieħed jissepara jkun qed jirriskja li jitwarrab xi ħadd li jkun fi ħdan il-“ġnus”.

L-Isqof qal li xi drabi wieħed jista’ jieħu l-impressjoni li l-istorja hija bħal żiemel maħrub, jiġri ’l quddiem mingħajr ma jaf fejn hu sejjer sakemm jaħbat u jitfarrak. Hu spjega li l-viżjoni Nisranija tal-istorja hija differenti. Qal li l-Insara jemmnu li l-istorja tal-umanità għandha appuntament mal-laqgħa definittiva ma’ Kristu. L-Isqof isib interessanti li meta San Mattew jitkellem dwar din il-laqgħa finali, jikteb li quddiem Ġesù għad jinġabru “l-ġnus kollha”.

L-Isqof tkellem ukoll dwar l-hekk imsejħa “Insara anonimi” li qal li huma dawk li qatt ma jkunu għamlu l-istqarrija tal-fidi bħalma għamlu l-oħrajn, imma qed jgħixu l-fidi, il-karità, u t-tama fi Kristu mingħajr ma jafu xejn espliċitu dwar ir-relazzjoni tagħhom ma’ Kristu. Sostna li ħafna drabi dawn jgħixu dawn il-virtujiet teologali aħjar minn Insara oħra.

Fi kliem Mons. Grech, xi teologi iżommu li meta dawn il-persuni jgħixu ħajja normali ta’ bnedmin huma diġà qed jgħidu, “Hawn jien, Mulej”. Saħaq li ma jgħidux “iva” bil-kliem, imma b’ħajjithom.

L-Isqof semma l-Konċilju Vatikan II li qed jagħlaq sebgħin sena. Qal li meta wieħed jaqra l-Kostituzzjoni dommatika dwar il-Knisja jingħad illi “dawk li mingħajr ħtija ma jagħrfux l-Evanġelju ta’ Kristu u l-Knisja tiegħu, iżda fl-istess ħin ifittxu bis-sinċerità lil Alla u bl-għajnuna tal-grazzja jippruvaw jagħmlu r-rieda tiegħu kif jaslu jagħrfuha minn dak li tgħidilhom il-kuxjenza tagħhom, jistgħu jiksbu s-salvazzjoni ta’ dejjem”.

“Fil-fatt, meta fil-Konċilju l-Knisja tgħid li hemm ateisti li ma humiex ħielsa mill-ħtija għax ikunu jfittxu apposta li jbiegħdu minn qalbhom lil Alla, indirettament qed tirrikonoxxi l-possibbiltà li jkun hemm persuni ateisti (u forsi jibqgħu hekk ħajjithom kollha) li ma jġorrux fuq spallejhom il-ħtija morali.”

Fi kliem l-Isqof qed dejjem toħroġ fid-dieher il-kategorija tal-“ġnus” – ta’ dawk li ma għadhomx fil-Knisja bħala istituzzjoni u ma jħossuhomx f’posthom fl-ambjent ekkleżjali. Qal li jaf ġenituri li huma nkwetati ferm għax uliedhom ma għadhomx imorru l-quddies u forsi ma jridux jisimgħu aktar bil-Knisja. Sostna li wieħed ma jistax jaqta’ qalbu minnhom u li Alla żgur mhux se jaqta’ qalbu minnhom.

“Dan kollu joffrilna viżjoni aktar wiesgħa għall-ħidma pastorali tagħna u jistimulana biex nifirxu aktar l-attenzjoni u l-kura tagħna kemm bħala ragħajja u kemm bħala komunitajiet ekkleżjali,” qal l-Isqof.

Wara tlettax-il sena fil-ministeru qal li qed jara sfidi ġodda. Qal ukoll li l-ġografija tal-ġens nbidlet waħda sew. Mhux bilfors li nbidlet għall-agħar; imma żgur li nbidlet il-forma.

Inkitbet ukoll poeżija għall-okkażjoni.

Tempus fugit

 

Iż-żmien jgħaddi u jitgerbeb

Ma jistenna żgur lil ħadd

Inti l-Isqof tagħna kollha

Dħalt bla dubju f’qalb kulħadd!

Għaddew sew tlettax-il sena

Mindu sirt Ragħaj tal-Għawdxin

Mill-qalb jiena nawguralek –

Bil-baklu għal bosta snin!

Mhux faċli li inti togħġob

Lil kull min dlonk jersaq lejk

Kompli iżda stinka, ħabrek

Biex tarana lkoll ħdejk!

Żomm fuq fommok it-tbissima

Li tagħmlek hekk singulari

Donnu llum illi titbissem

Saret tassew ħaġa rari!

B’Alla miegħek u b’tas-Sokkors

Żgur li tasal fejn int trid

Iktar w iktar meta għandek

Rieda soda tal-ħadid!

Kav. Joe M Attard