Filmat: “Mhux tort tiegħu li ma jistax iqum filgħodu u li jibki għalxejn”

Stefania Dimech Sant, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond qalet li messaġġ importanti ħafna lis-soċjetà huwa li “mhux tort tiegħu li dak li jkun ma jkunx jista’ jqum filgħodu u li jibki għalxejn”. Saħqet li mhux minnu li persuna ġġib b’idejha l-problemi ta’ saħħa mentali. “Persuna bi problemi ta’ saħħa mentali ma tagħżilx”, żiedet tgħid.

Waqt il-programm Follow Up fuq RTK 103FM, Dimech Sant spjegat li aspett kruċjali fil-qasam tas-saħħa mentali huwa l-istigma. Irrimarkat li ħafna ma jiddejqux jgħidu li kisru saqajhom jew li huma dijabetiċi imma mbagħad jiddejqu jgħidu li għandhom dipressjoni.

Barra minn hekk, insistiet Dimech Sant, is-soċjetà tħares lejn persuni bi problemi ta’ saħħa mentali b’ċertu preġudizzju. Semmiet it-trattament tan-nies lejn persuna dijabetika li tħossha ħażin għax jitla’ jew jinżel iz-zokkor b’kuntrast mal-attitudni lejn persuna bi problema ta’ saħħa mentali li ġġib ruħha b’ċertu mod. Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond qalet li ħafna drabi dawn tal-aħħar jispiċċaw jiġu mwarrba u mistmerra filwaqt li jintuża lingwaġġ xejn rispettuż fil-konfront tagħhom.

Ħafna drabi b’oriġini fiżjoloġika

Stefania Dimech Sant spjegat li l-oriġini ta’ mard mentali ħafna drabi jkun fiżjoloġiku minħabba żbilanċ fil-kimika tal-moħħ. Il-pilloli preskritti mit-tobba jgħinu biex il-kimika tiġi normali. Semmiet ukoll l-effett tal-ambjent u t-trobbija bħala kawżi għall-problemi ta’ saħħa mentali.

Kif min jitkellem jagħmlilhom il-ħajja eħfef jew itqal?

Kemm il-persuna milquta mill-problemi kif ukoll il-familji tagħha jgħaddu minn ħafna wġigħ u tbatija. Xi kliem għandek tevita?

  • Tagħmilhielhom iktar difficli meta tghidilhom “qum minn hemm”, “tesaġerax”, “ċaqlaq” eċċ għax iġġegħilhom iħossu li tort tagħhom. Ħafna drabi jkunu jixtiequ jqumu u jkomplu bil-ħajja tagħhom. In-nies ta’ madwarhom juruhom li mhux qed jifhmuhom jekk jgħidulhom dan il-kliem, għax jindikaw li hemm element ta’ għażż meta ma jkunx minnu.
  • Kliem dispreġġjattiv minn nies ikompli jżid mat-tbatija tal-kundizzjoni.

Kif tgħin lil dawn il-persuni l-Fondazzjoni Richmond?

  • Taħdem fuq prevenzjoni permezz ta’ edukazzjoni u taħriġ lill-pubbliku fost l-oħrajn fl-iskejjel u fuq il-postijiet tax-xogħol. Dan sabiex ikun hemm iktar għarfien biex wieħed jagħraf minn kmieni jekk ikun hemm xi sitwazzjoni ta’ problema ta’ saħħa mentali.
  • Tgħin lil nies li qed jiżviluppaw xi kundizzjoni ta’ nuqqas ta’ saħħa mentali. Toffri counselling u sapport psikoloġiku.
  • Sena programm f’Villa Chelsea biex dawk li jqattgħu żmien twil fl-Isptar Monte Karmeli jerġgħu jitgħallmu ħiliet essenzjali għal ħajja ta’ kuljum u jerġgħu jibdew jieħdu ħsieb tagħhom infushom.
  • Tipprovdi kors tal-ewwel għajnuna għas-saħħa mentali, li jlaqqgħek ma’ sitwazzjonijiet u jiggwidak bi strateġija sempliċi ta’ kif iġġib ruħek.
  • Servizz għall-pubbliku biex jitlob informazzjoni, jiddiskuti sitwazzjoni u biex ifittex l-għajnuna: Freephone 1770 mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8am u s-7pm.