Filmat: “Mhux ta’ min jiskarta sistema ta’ underground”

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna stqarr li mhux ta’ min jiskarta l-idea, li Malta tiżviluppa sistema ta’ trasport bl-underground li tkun effiċjenti u sostenibbli. Filwaqt li rrimarka li forsi din hi xi ħaġa wisq utopika, jemmen li m’għandniex nitraskuraw dawn l-ideat innovattivi.

Fil-messaġġ tiegħu waqt il-Business Breakfast dwar it-traffiku, organizzat minn Newsbook.com.mt, Mons. Scicluna insista dwar il-ħtieġa li ninvestu fi trasport li l-użu tal-enerġija tiegħu ġejja mill-elettriku u li jinġġeż inqas.

L-Arċisqof sostna li n-nuqqas ta’ traffiku u n-nuqqas ta’ ħidma umana kienu fost l-affarijiet li laqtuh fix-xhur ta’ partial lockdown minħabba l-pandemija tal-coronavirus. “Kulħadd kien qed jipprova jevita l-kuntatti li setgħu kienu ta’ periklu għas-saħħa. Dan kollu affettwa l-kwalità tal-arja u l-kwalità tal-ambjent”, żied jgħid Mons. Scicluna.

Saħaq li l-mobbilità umana hi essenzjali u wara l-esperjenza tal-Covid-19 għandna nistaqsu liema metodi rridu nużaw biex niċċaqilqu minn post għall-ieħor. Enfasizza li għandna naraw liema metodi jniġġsu inqas u liema huma l-arterji li għandhom bżonn iktar investiment.

Mons. Charles Scicluna tkellem ukoll dwar is-siġar, li ddeskrivihom bħala patrimonju li jmur minn ġenerazzjoni għall-oħra, u li jidher li qed jiġu apprezzati iżjed. “Hemm bżonn ukoll napprezzaw li jekk nagħmlu pass lura se ngawdu iżjed arja friska u anke l-ħajja tagħna stess”.